Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad appelli mid-difiża u l- prosekuzzjoni fil-każ ta’ Yorgen Fenech

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ċaħdet appelli mressqa kemm mid-difiża kif ukoll mill-prosekuzzjoni fir-rigward tal-motivi preliminari ta’ Yorgen Fenech. Kemm l-Avukat Ġenerali kif ukoll l-avukati ta’ Fenech kienu ressqu appelli kontra aspetti differenti tad-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali dwar il-motivi preliminari, li kienu ngħataw f’Diċembru 2022 wara l-akkuża ta’ Fenech.

Waqt li tittratta l-ewwel l-appell ta’ Fenech, il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, flimkien ma’ l-Imħallef Joseph R. Micallef u l-Imħallef Giovanni Grixti, ma qablitx mal-affermazzjoni tiegħu li r-rifjut tal-Qorti tal-Maġistrati li tippermettilu isejjaħ lill-Kap tas-Servizz tas-Sigurtà ta’ Malta biex jixhed dwar numru ta’ telefonati u recordings u jlesti l-kontro-eżami ta’ diversi xhieda – fosthom l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru tal-ġurnata, Keith Schembri, ippreġudikat id-drittijiet tiegħu.

Ir-rimedju li Fenech kien qed jitlob b’mod effettiv għal din l-allegata inġustizzja kien li l-att ta’ akkuża kontrih tiġi ddikjarata nulla, osservaw l-imħallfin. Iżda wara li eżaminat fid-dettall kull ċirkostanza li fiha Fenech kien qed jallega rifjut, “f’kull każ ħareġ li qatt ma kien hemm tali rifjut mill-qorti ta’ kumpilazzjoni.”

Il-Qorti Kriminali kienet korretta meta evalwat li l-akkużat kien għamel diversi talbiet għall-kontro-eżami tax-xhieda, li l-ebda waħda minnhom ma kienet miċħuda. Ix-xhieda li l-kontro-eżami tagħhom Fenech sostna li ġie miċħud kienu fil-fatt eżerċitaw id-dritt tagħhom tas-silenzju biex jevitaw li jinkriminaw lilhom infushom, wieħed fid-dawl ta’ proċeduri kriminali li għaddejjin kontrih u l-ieħor minħabba investigazzjoni tal-pulizija.

Il-fatt li ma kien sar l-ebda kontro-eżami ma wassalx biex ix-xhieda tagħhom tkun inammissibbli għax jerġgħu jixhdu fl-istadju tal-kawża u setgħu jiġu kontro-eżaminati, bis-sitwazzjoni tiġi spjegata lill-ġurija mill-Imħallef li jippresiedi l-ġuri.

Fir-rigward ta’ aggravju ieħor li trattat in-nuqqas tal-AĠ li jinkludi wieħed mill-esperti tal-interpol li kien inħatar waqt l-inkjesta maġisterjali biex jeżamina datas tal-mobile ta’ Caruana Galizia u jiġbed minnha dik rilevanti, l-Imħallfin innutaw li Fenech kellu raġun jgħid li x-xhieda tal-espert ma kinitx inġabret. Il-Qorti Kriminali kienet ordnat korrettament li jissejjaħ biex jixhed quddiem il-qorti tal-kumpilazzjoni.

L-Avukat Ġenerali kien ressaq ukoll appell, fejn sostna li l-ordni tal-Qorti Kriminali biex jitneħħew numru ta’ esebiti tal-prosekuzzjoni, fosthom stqarrija maħruġa lill-pulizija minn Fenech fi żmien li aktar tard sostna li kien taħt l-influwenza tal-kokaina, kienet legalment żbaljata.

Fenech kien assistit mill-avukati tiegħu, innotat il-qorti. Id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni kienu saru soġġetti għall-kundizzjoni li kellhom jintużaw biss b’rabta mat-talba ta’ Fenech għal maħfra Presidenzjali.
“Il-qorti tonqos milli tifhem ir-raġunament tal-Avukat Ġenerali f’dan ir-rigward, aktar u aktar meta l-ewwel qorti kienet … laqgħet il-motiv mhux għax l-appellant ma kienx fi stat tajjeb minħabba l-konsum tad-droga, iżda għax id-dikjarazzjonijiet ma kinux ittieħdu. skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi.”

Iż-żewġ appelli ġew miċħuda fl-intier tagħhom, bl-eċċezzjoni taż-żieda tax-xhud tal-Interpol li issa jrid jixhed.