Fi Stqarrija maħruġha mill-Partit Nazzjonalista, Joe Giglio, il-kelliem għall-Intern u Alex Borg, il-Kelliem għal Għawdex, qalu li wara diversi inċidenti ta’ vjolenza fit-toroq Għawdxin, ir-residenti, negozji u membri fi ħdan il-Kunsilli Lokali Għawdxin urew it-tħassib tagħhom.
Il-Gvern iżda qed jibqa’ sieket u ma jimpurtah minn xejn bit-tama li l-problema tinkines taħt it-tapit.
Il-problema mhux ħa tisparixxi bis-sitwazzjoni kif inhi. Li se jiġri hija probabbilment traġedja oħra kif diġà kellna.
Li jmiss jaf il-vittma jinqabad intortament fil-post il-ħażin, fil-ħin il-ħażin.
Għalfejn il-Gvern mhux jiċċaqlaq, bl-awtoritajiet baqgħu b’risorzi limitati?
Il-Partit Nazzjonalista dwar dan kollu ilu jsostni li:
– Li jissaħħaħ l-korp tal-Pulizija billi jitjiebu l-kundizzjonijiet tagħhom ħalli jkunu tabilħaqq effettivi fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Għandna Korp demotivat, overworked, overstretched u underpaid. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk.
– Li jissaħħu l-aġenzji li għandhom id-dover li jinfurzaw il-liġijiet biex b’hekk tiżdied id-dixxiplina kullimkien.
– Li l-Qrati tagħna jingħataw riżorsi biex jaħdmu, inkluż billi niktbu mill-ġdid il-Kodiċi Kriminali biex jibda jagħmel sens fiż-żminijiet tal-lum.
Illum qed naffaċċjaw realtà fejn wieħed mill-aktar drittijiet fundamentali tal-bniedem, is-serħan tal-moħħ, f’ambjent sikur, qed ikun mittiekel ukoll. Din ir-realtà jeħtieġ li naffaċċjawha biex id-dritt li tgħix f’pajjiż sikur ikun mill-ġdid.
Parir tajjeb ikun ġej minn fejn ġej, il-Gvern għandu dejjem jieħdu. Għal ġid ta’ Malta.
//= $special ?>