Tkompli toħroġ il-qasma li hemm fi ħdan il-Gvern Laburista… din id-darba permezz ta’ stqarrija li għamel l-eks Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jeffrey Curmi meta qal li l-Ministru Aaron Farrugia riedu jitlaq mill-pożizzjoni tiegħu wara biss 11-il xahar jokkupa dan l-irwol.
Waqt mistoqsija li saret mill-Kumitat Permanent dwar il-Ħatriet Publiċi, Curmi qal li l-Ministru tat-Trasport ma riedux iktar f’dik il-pożizzjoni li kellha terminu ta’ tliet snin u b’hekk Curmi għażel li jirreżenja minnufih. Wara r-riżenja tiegħu, Curmi ġie appuntat bħala ambaxxatur għal Malta fl-Olanda.
Jeffrey Curmi qal li l-Ministru offrielu li jagħtih l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv f’entità oħra tal-Gvern la darba jitlaq minn Transport Malta. Huwa qal li rrifjuta dan u minflok irreżenja mill-pożizzjoni tiegħu.
L-eks Kap Eżekuttiv qal li fil-jiem ta’ wara ġie kkuntatjat mill-Prim Ministru biex isir ambaxxatur, liema pożizzjoni aċċettaha.
Meta Jeffrey Curmi, ripetutament, ġie mistoqsi jekk kienx hemm xi diżgwid bejnu u bejn il-Ministru Aaron Farrugia, iżda huwa għażel li jżomm fommu sieket.
Mhux magħruf ir-raġuni għalfejn saret pressjoni biex Curmi jitlaq mill-pożizzjoni tiegħu iżda sorsi li tkellmu ma’ Net News irreferew għal okkażjonijiet fejn il-Kap Eżekuttiv kien iebes fl-infurzar.
//= $special ?>