L-ex Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Jeffrey Curmi xehed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi li hu rriżenja minn Transport Malta minħabba li l-Ministru tat-Trasprt Aaron Farrugia riedu jitlaq.
Din ix-xhieda ngħatat quddiem il-Kumitat li kien qed jiddiskuti l-ħatra ta’ Curmi bħala Ambaxxatur għall-Olanda. L-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-deputati Nazzjonalisti Adrian Delia u Karol Aquilina.
Curmi kien serva wkoll bħala Brigadier tal-Forzi Armati u xehed li l-Ministru Farrugia offra li jappuntah Kap Eżekuttiv ta’ entità oħra tal-gvern biex jirriżenja minn Transport Malta.
Ix-xhud qal li hu kien irrifjuat li jwarrab u sostna li kien il-Ministru Aaron Farrugia kien qallu biex iwarrab; u hu hekk għamel. Wara, sostna Curmi, l-Prim Ministru offrielu li jkun appuntat ambaxxatur għalll-Olanda u hu aċċetta. Minkejja din ix-xhieda Curmi ma tax dettalji dwar x’kienu r-rġaunijiet wara n-nuqqas ta’ qbil mal-Ministru Aaron Farrugia.
Hu qal li kien ma kienx jaqbel mal-Ministru Farrugia fuq diversi kwistjonijiet iżda mhux neċessarjament mhux goveranza tajba. Curmi sostna li ma kienx jaqbel mal-Ministru Farrugia fuq l-istil tat-tmexxija għaliex hu jemmen l l-Ministru hu responsabbli mid-doveri ministerjali iżda kap eżekuttiv hu reponsabbli għad-doveri tiegħu f’dak ir-rwol.
Curmi ma weġibx jekk kien hemm indħol politiku u jekk il-Ministru Farrugia pprovax jindaħallu f’xogħlu bħala CEO.
Hu qal li mhux neċessarjament il-Ministru Farrugia pprova jindaħal iżda iktar kienet sitwazzjoni fejn hu ma setax jagħmel xogħlu kif xtaq. Jien, jew se nagħmel xogħlu u mmexxi jien jew inkella, jekk ma ngawdix fiduċja, nitlaq, sostna Curmi.
Ix-xhud kompla li l-Prim Ministru kien qallu biex jieħu t-tmexxija ta’ Transport Malta u jmexxieha b’integrità. Hu sostna li ma riedx jindħal fl-investigazzjonijiet tal-pulizija fil-każ tal-liċenzji tas-sewqa. Fil-mument li hu kien maħtur CEO ta’ Transport Malta, il-pulizija kienu diġà bdew bl-investigazzjonijiet dwar il-każ tal-liċenzji u għalhekk hu ftit seta’ jagħmel ħlief li jħallu lill-pulizija jaħdmu bil-libertà u jgħinhom fejn meħtieġ.
Hu qal li ma jafx kemm hemm nies kienu involuti fl-iskandlu tal-liċenzji u ma stqasiex għax ma riedx jindaħal. Ix-xhud sostna li lanqas staqsa lill-pulizija hekk għandux jissospendi jew jirrevoka l-liċenzji lil dawk suspettati li kisbhom b’mod skorrett.
Min-naħa tiegħu Curmi qal li kien talab rapport dwar il-proċess tal-liċenzji u dwar kif dan jista’ jkun imtejjeb iżda ma kienx tlesta sakemm telaq. L-ex Brigadier Curmi qal li meta kien xamm xi affarijiet hu ħa l-azzjonijiet neċessarji
Dwar il-perjodu tiegħu fil-Forzi Armati Maltin, Curmi qal li l-uniku każ li kien irrifjuat li jaħdem fuqu kien il-qtil ta’ Daphne Caruna Galizia. Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina jekk ħassux respnsabbli biex titkattar iktar il-kultura ta’ impunità li wasslet għall-qtil ta’ Caruana Galizia minħabba li l-FAM kienu entità importanti fis-sigurtà nazzjonali, Curmi ma qabilx u qal li l-FAM jassitu lill-pulizija biss meta jkunu mitluba.
Dwar il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia, ix-xhud qal li kien ta parir lill-awtoritajiet biex iġibu persuni minn barra minn Malta. Hu qal li ried li l-ġustizzja ssir u ma riedx li l-involviment tiegħu fl-investigazzjonijiet jitfgħu xi dubju fuq l-integrità tal-proċess.
Mistoqsi għaliex, bl-istess raġunar, ma rraġunax l-istess fuq il-bombi l-oħrajn li saru fil-pajjiż, Curmi qal li l-FAM ma jidħlux f’min ikun poġġa l-bomba iżda jinvestigaw kif il-bomba tkun inħadmet.
Mistoqsi minn Karol Aquilina u Adrian Delia dwar il-promozzjonijiet li hu ħa fl-FAM meta kien elett il-gvern Laburista, Curmi qal li ma kien hemm xejn irregolari f’dawn il-promozzjonijiet u fihom kienu segwiti l-proċeduri normali.
Wara l-mistoqsijiet il-kumitat approva n-nomina ta’ Curmi bħala Ambaxxatur għall-Olanda bil-membri tal-Oppożizzjoni jivvutaw kontra.