Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bil-qawwa l-kummenti li saru waqt programm ta’ diskussjoni fuq il-PBS. Rimarki bħal dawn, fil-konfront tal-mard u d-diżabbiltà huma insensittivi, iżda wkoll ta’ ħsara għas-soċjetà kollha.
Ix-xandir pubbliku għandu l-obbligu fundamentali li jinforma u jeduka lin-nazzjon billi jżomm l-ogħla standards ta’ rispett, inklussività u preċiżjoni. Sfortunatament, dan l-inċident jirrifletti tluq inkwetanti minn din ir-responsabbiltà.
Dan l-inċident hu wkoll xhieda ta’ sorveljanza editorjali fqira ħafna u attentat intenzjonat mix-xandar pubbliku ffinanzjat mit-taxxi tal-poplu biex ifixkel l-attenzjoni pubblika minn aħbarijiet riċenti li jikxfu saħansitra aktar inċidenzi ta’ korruzzjoni.
Filwaqt li jemmen u jiddefendi l-libertà tal-espressjoni, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-misinformazzjoni li thedded u li tagħmel ħsara lill-minoranzi, jew kwalunkwe persuna, għandha dejjem tkun trattata bl-ogħla standards etiċi. L-inklussività u r-rispett lejn il-membri kollha tas-soċjetà, inkluż dawk b’diżabbiltà, għandhom ikunu minn ta’ quddiem fil-kontenut tal-midja.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà bla riservi ma’ persuni b’diżabbiltà, li jistħoqqilhom rispett u appoġġ. Hu dmir kollettiv tagħna li nippromwovu ambjent ta’ aċċettazzjoni u inklussjoni, fejn kull individwu, irrispettivament mill-kapaċitajiet jew l-isfond tiegħu, jista’ jirnexxi.
Dan intqal fi stqarrija minn Graziella Galea, il-Kelliem għall-Inklużjoni u l-Volontorjat u l-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista (FOIPN).
//= $special ?>