Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tikkundanna bil-qawwa kollha l-kummenti ta’ min jistmerrhom li għamlet l-opinjonista Phylisienne Brincat fuq il-programm Popolin li xxandar il-bieraħ filgħaxija fuq TVM.
L-idea li d-diżabilità hija marbuta mad-dnubiet li ilhom jintirtu għal ġenerazzjonijiet sħaħ hija, hekk kif stqarr Jacob Callus fuq l-istess programm, insult lejn il-persuni b’diżabilità u li ma jwassal għal xejn ħlief li tkattar l-istigma li diġà jbatu minnha. Dan il-kliem ma huwa xejn ħlief li jkattar il-mibgħeda kontra persuni b’diżabilità.
Il-qasam tad-diżabilità ilu li nfatam minn dawn l-ideat antikwati li ma jagħmlu xejn ħlief li jnawwru mir-rispett li persuni b’diżabilità igawdu bi dritt bħala ċittadini Maltin daqs kull ċittadin ieħor.
Intant, b’referenza għall-programm Popolin, imxandar ilbieraħ b’mod dirett fuq TVM, il-PBS qal illi jiddiżassoċja ruħu u kkundanna bla riżerva dak li qalet Phylisienne Brincat dwar persuni b’diżabilita waqt dan il-programm. Minkejja dan, ma saret ebda apoloġija minn naħa tal-PBS.
//= $special ?>