Illum fil-Jum Internazzjonali li jiċċelebra l-edukaturi, il-Partit Nazzjonalista jsellem u jirringrazzja lill-edukaturi kollha, f’kull skola u f’kull livell, li qed jagħtu servizz dedikat lil pajjiżna.
Fi Stqarrija maħruġha mill-Partit Nazzjonalista, Justin Schembri, il-Kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ qal li t-tema tal-UNESCO magħżula għal din is-sena “L-għalliema li neħtieġu għall-edukazzjoni li rridu: l-impenn globali biex innaqqsu n-nuqqas ta’ għalliema” għandha sinifikat imperattiv għall-Partit Nazzjonalista li ilu għal dawn l-aħħar snin jenfasizza fuq l-importanza li jsir aktar investiment fil-professjoni sabiex Malta tegħleb l-isfida ta’ nuqqas ta’ edukaturi li qiegħed jaffettwa l-kwalità tal-edukazzjoni li pajjiżna joffri. Għall-Partit Nazzjonalista, l-edukatur huwa l-bażi ta’ soċjetà b’saħħitha li fuqha jistgħu jissejsu u jiżviluppaw il-ħiliet akkademiċi, interpersonali, personali, soċjali, kulturali, inklussivi, kreattivi, teknoloġiċi, morali u etiċi.
Waqt li jawgura mill-ġdid sena skolastika u akkademika pożittiva, inklussiva u kreattiva lill-edukaturi kollha, il-Partit Nazzjonalista jsellem liż-żgħażagħ li qed isegwu korsijiet diversi f’istituzzjonijiet varji sabiex isiru edukaturi. Irodd ħajr ukoll lill-Kapijiet tal-Kulleġġi, lill-Uffiċjali Edukattivi, lill-amministrazzjonijiet tal-iskejjel (tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti), u lill-unions.
Il-Partit Nazzjonalista jkompli jsostni l-impenn tiegħu favur il-professjoni u jwiegħed li ser ikompli jemmen bis-sħiħ li l-edukaturi u l-professjonisti oħra fil-qasam għandu jkollhom l-aħjar kundizzjonijiet u salarji.
//= $special ?>