Il-Gvern tal-President Amerikan Joe Biden qed jaħseb biex jibni sezzjoni ta’ ħajt mal-fruntiera tal-Messiku bil-ħsieb li jwaqqaf il-livelli rekord tal-immigrazzjoni. Mill-bidu tas-sena ‘il hawn waslu fl-Istati Uniti madwar 250,000 immigrant li qasmu mill-Messiku u x-xahar ta’ Settembru mistenni jkun wieħed rekord għal dawn il-movimenti – bid-diversi bliet tal-Istati Uniti qegħdin iħossu l-piż tal-influss uman.
Is-sezzjoni tal-ħajt – ippjanata għal distanza ta’ 32 kilometru — se tinbena fi Starr County, fin-naħa t’isfel ta’ Texas u fejn qed ikun rappurtat l-akbar numru ta’ ‘crossings. Intant, hemm anki element kbir ta’ ironija involut f’din il-ħidma wara li d-Demokratiċi fil-Gvern, snin ilu, kienu opponew bil-qawwi għall-pjan tal-eks President Amerikan Donald Trump biex jibni ‘ħajt mal-Messiku’ b’konsegwenza tal-immigrazzjoni bla rażan.
Fl-2020, Joe Biden kien wiegħed li ma jkomplix bil-bini tal-ħajt skont il-pjan ta’ Trump u f’każ li kellu jkun elett President tal-Istati Uniti –tragward li hu realizza fl-elezzjoni ta’ Novembru. U ladarba Biden assuma t-tmexxija tal-pajjiż, l-Amministrazzjoni f’Washington għaddiet proklama li stqarret li l-bini tal-ħajt mal-fruntiera ma kenitx ‘soluzzjoni politika serja’.
Madankollu, l-Aġenzija Amerikana għall-Affarijiet Doganali u Protezzjoni tal-Fruntieri issa qed tiddefendi dan il-‘u-turn’ politiku sinifikanti fost stqarrija li qed tuża l-fondi diġà allokati għal ħajt mal-fruntiera tal-Messiku. Min-naħa tiegħu, is-Segretarjat tal-Intern fl-Istati Uniti enfasizza l-ħtieġa akuta u immedjata għal din is-sezzjoni ta’ ħajt li, skont il-kelliema, għandha tkun strumentali għall-impenji kontra l-immigrazzjoni illegali.
//= $special ?>