Internazzjonali

L-Iżvezja: Id-drammaturgu Norveġiż Jon Fosse jirbaħ in-Nobel għal-Letteratura

L-awtur tad-drammi Norveġiż, Jon Fosse, rebaħ il-Premju Nobel għal-Letteratura biex kompla jżid mal-lista ta’ suċċessi personali bħala wieħed mill-aktar drammaturgi prominenti fid-dinja.

L-Akkademja tan-Nobel fi Stokkolma, waqt li konfermat il-premju, faħħret lil Fosse għad-drammi innovattivi u l-proża li spirat lil ħafna studjużi u awturi żgħażagħ….Fil-fatt, Fosse hu rinomat ukoll bħala l-awtur ‘li minn dejjem esprima dak kollu li ħaddieħor ma kienx lest li jgħid’, bix-xogħlijiet tiegħu jkunu tradotti għal diversi lingwi.

L-analisti tax-xogħlijiet ta’ Fosse, li għandu 64 sena, qalu li l-karattri tad-drammaturgu huma  lkoll prodotti ta’ dinja astratta u poetika mżewqa bir-realtajiet interni u daqstant ieħor esterni.

Il-Premju Nobel għal-Letteratura, kull sena, jingħata għal ġabra ta’ xogħlijiet aktar milli għal xogħol, kontribut jew proġett uniku. Dan meta fl-ebda ħin ma jitħabbru l-kandidati prospettivi fuq livell ta’ short list, u meta dejjem diffiċli ħafna biex wieħed ibassar lir-rebbieħ.

L-aqwa xogħlijiet ta’ Fosse jinkludu n-novella ‘Boathouse’ li ħarġet fl-1989 u Melancholy I and II (1995-6).

Il-Premju Nobel għal-Letteratura, tul is-snin, intrebaħ minn personalitajiet distinti ta’ fama internazzjonali bħal Toni Morrison, Doris Lessing, Gabriel Garcia Marquez u l-kantant-kompożitur Amerikan Bob Dylan.