Dan-Andrei Tanase ta’ 32 sena, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Joseff Rivas, li f’Diċembru li għadda kien inqatel wara li ngħata diversi daqqiet ta’ sikkina barra kafetterija ta’ Paceville ma ngħatax il-pleġġ wara talba li għamel permezz tal-avukati tiegħu. Kemm l-akkużati kif ukoll il-vittma huma Rumeni, b’Rivas, kellu wkoll ċittadinanza Ingliża u Rumena.
Il-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talba fuq diversi aspetti fosthom għax huwa m’għandux rabtiet sodi ma’ Malta, ma jikkonvinċix lill-Qorti li se joqgħod għall-ordnijiet tagħha u li jista’ jinħeba. Il-Qorti qalet ukoll li minkejja li fit-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrestat huwa qal li sab impieg, il-Qorti m’għandha l-ebda prova li l-kumpanija li qal li jaħdem magħa Tanase hija rreġistrata.
Lanqas ma qal lill-Qorti kemm huwa s-salarju li se jkun qed jirċievi. Ingħad ukoll li mhux ippruvat li għandu xi familjari f’Malta u li l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu dwar omiċidju huma ta’ natura serja ħafna. Ilie Constantin ta’ 31 sena u l-kuġini tiegħu Ionut Iulian Tanase ta’ 35 u Dan-Andrei Tanase ta’ 32 qed iwieġbu mhux ħatja li taw daqqiet ta’ sikkina li kienu fatali, u li allegatament seħħet waqt ġlieda li nqalgħet ma’ Rivas u ż-żewġ sħabu fil-5 ta’ Diċembru wara nofsinhar.
Mix-xhieda li ngħata sa issa nformazzjoni miġbura mix-xena tad-delitt indikat li Rivas u żewġt irġiel oħra kienu avviċinaw lit-tliet akkużati li kienu bilqiegħda barra kafetterija fi Triq Ross, kantuniera ma’ Triq San Ġorġ, fejn kienu qed jixorbu.
Wara seħħ argument, iktar tard maħsub li kien relatat mal-prostituzzjoni, biż-żewġ gruppi jsiru vjolenti u s-sitwazzjoni malajr eskalat f’battibekk vjolenti li nxtered fit-triq. It-tliet aggressuri suspettati kienu ħarbu minn fuq il-post bil-mixi u wara qabdu taxi lejn is-Swieqi.
Rivas waqa’ mal-art faċċata ta’ pastizzeria, fejn it-tobba tal-emerġenza sabuh mimdud wiċċu ’l fuq, b’laċerazzjonijiet fuq in-naħa ta’ quddiem ta’ ġismu u li hu ma wera ebda sinjali ta’ ħajja. Spettur tal-pulizija xehed li l-vittma kienet ingħatat 28 daqqiet ta’ sikkina fil-battibbekk li dam biss żewġ minuti.
Uffiċjal mill-Iskwadra tal-Omiċidji kien qal l-għada tal-inċident, huwa akkumpanja lil Ionut (wieħed mill-akkużati) f’appartament f’San Ġiljan, qrib il-post tal-allegati daqqiet ta’ sikkina. Il-pulizija daħlu fl-appartament u sabu l-kċina mimlija bid-demm.
Mill-flat ġew elevati libsa griża mxarrba u mtebba’ bid-demm, kif ukoll kaxxa tal-iPhone, u li dawn ġew konfiskati. L-uffiċjal xehed ukoll li Ionut kien spjega lill-pulizija kif kien personalment rema’ s-sikkina li ntużat fil-ġlieda.
F’Ġunju, il-Maġistrat Nadine Lia, li oriġinarjament kienet assenjata l-kumpilazzjoni tal-provi, ħabbret li kienet qed tastjeni milli tkompli tippresjedi l-kawża minħabba kunflitt ta’ interess li kien immaterjalizza. Il-każ ikompli fis-16 ta’ Novembru fil-11am.
L-avukati tal-AĠ Darlene Grima u Kaylie Bonett qed imexxu prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi Kurt Zahra u Brian Xuereb. L-avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono, Charmaine Cherret, Francesca Zarb u Jacob Magri qed jirrappreżentaw lill-irġiel akkużati.
//= $special ?>