Lokali

Miriam Dalli tgħid li tibgħat il-messaġġi “f’każijiet ġenwini”

Fearne jgħid li din hija sistema essenzjali għad-demokrazija

Minkejja li qed ikomplu bin-narrattiva li l-Ministru Ian Borg ma għamel xejn ħażin, ħadd mill-Membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela m’huma qed jgħidu li huma kienu jibgħatu t-tip ta’ messaġġi li ġew żvelati mill-ġurnal Times of Malta – min jibgħatlu biex jitlob għan-neputi li tiela għat-test tal-karozza, min irid jaqbeż il-kju u min jaf isuq imma għal xi raġuni jew oħra għandu bżonn l-għajnuna.

Il-Ħamis filgħodu Net News staqsa lill-Ministru Miriam Dalli kif Abela qed jinsisti li l-Customer Care tal-Gvern ma jarax kuluri. Dan minkejja li fil-messaġġi żvelati jidher ċar li għax persuna jkun meqjus bħala mhux Laburist… jinsulentawh u joffenduh, jew saħansitra jgħaddu messaġġi bejniethom bħal “Viva l-Labour dejjem”.

Mistoqsija dwar dan, Miriam Dalli saħqet li l-Ministru Ian Borg kien ċar biżżejjed – fejn prattikament qal li hu ma għamel xejn ħażin.

Madanakollu hi, b’mod xokkanti, ammettiet li hi ukoll tibgħat messaġġi.

U wara din id-dikjarazzjoni… huwa diffiċli li jiġi spjegat x’każ ġenwin jista’ jkun biex persuna jkollha bżonn l-intervent ta’ Ministru biex takkwista liċenzja tas-sewqan. Dan meta l-entitajiet tal-Gvern u l-istituzzjonijiet, suppost, qedgħin jaħdmu.

Tibqa’ ma ssirx l-apoloġija mitluba mill-MEA

Mistoqsija jekk il-Gvern hux se jagħmel apoloġija bħal ma talbet l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, Miriam Dalli insistiet li r-risposta ta’ Robert Abela kienet ċara biżżejjed.

Ftit tal-ħin wara Net News staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne dwar dan l-istess skandlu tar-racket tal-liċenzji tas-sewqan fejn sostna li din is-sistema politika li tant qed jiftaħar biha l-Gvern tal-Labour hija essenzjali għad-demokrazija.

Madanakollu, meta affaċċjat b’ċertu messaġġi mibgħuta miċ-Chief of Staff tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri lil Clint Mansueto…kif ukoll bid-dikjarazzjoni tal-MEA li din is-sistema qed iżżid in-nepotiżmu ….huwa farfarha fuq il-Qorti.