Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tinsab fi Granada, Spanja, hekk kif Mexxejja Ewropej qed jipparteċipaw fit-tielet Summit tal-Komunità Politika Ewropea.
Qabel il-laqgħa, il-President Metsola stqarret, “din il-laqgħa hija importanti għaliex qed ninvestu fil-paċi, fis-sigurtà u fl-istabbiltà ġeostrateġika tal-kontinent tagħna.”
L-MEP Maltija u President tal-Parlament Ewropew qalet li l-mexxejja se jkunu wkoll ċari ħafna dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u żiedet li n-negozjati b’rabta mas-sħubija mal-Ukrajna u l-Moldova għandhom jibdew malli jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha.
Waqt li qed ikompli jippersisti il-kunflitt f’Nagorno-Karabakh fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, il-President Metsola ltaqgħet mal-Prim Ministru tal-Armenja, Nikol Pashinyan. “Offrejt l-għajnuna b’rabta mal-kriżi umanitarja ta’ persuni li jkollhom jitilqu minn Nagorno-Karabakh, kif ukoll bl-integrazzjoni tar-refuġjati fl-Armenja.” Il-President Metsola stiednet lill-Prim Ministru tal-Armenja biex jindirizza s-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi ftit ġimgħat.
“Inħares lejn il-Komunità Politika Ewropea bħala r-raġuni biex tgħaqqad l-alleati kollha. Jekk ma nkunux flimkien, jekk ma nkunux magħqudin bħala kontinent, qawwiet minn bnadi oħra jippruvaw jinfluwenzaw il-kontinent tagħna,” saħqet il-President Metsola. Hija kellha ukoll laqgħa mal-President Sandu tal-Moldova
Fi Granada, il-President Metsola kellha numru ta’ laqgħat bilaterali, fosthom mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy, li matulhom tenniet l-appoġġ tal-UE fl-isfond tal-aggressjoni Russa fuq dan l-istat sovran.
Il-President tal-Parlament Ewropew indirizzat lill-mexxejja Ewropej ukoll dwar it-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa u dwar l-intelliġenza artifiċjali.