Lokali

Numru ta’ persuni jsofru minn ġrieħi kawża tat-tħarbit li hemm fil-Mosta

Diversi persuni qed jirraportaw li sofrew minn xi ġrieħi wara li jaqgħu kawża tat-tħarbit li hemm fil-Mosta.

Ix-xogħolijiet fil-pjazza tal-Mosta ilhom għaddejjin għal xhur sħaħ mingħajr indikazzjoni ċara ta’ meta dan il-proġett se jkunu lest; proġett li ilu għaddej mill-inqas sentejn. Proġett li ġab miegħu taħwid kbir, żoni magħluqin, trab u konfużjoni sħiħa.

Persuni li tkelmu ma’ Net News qalu kif persuna wara l-oħra, fosthom anzjani u vulnerabbli, qed jispiċċaw iweġġgħu kawża ta’ dan kollu. B’persuna tgħid magħna kif il-bankini mhux qed isiru sew tant li l-anzjani, minn ħarġa sal-Knisja qed jispiċċaw jieħduha għal wiċċhom.

U dan b’riżultat li flok imorru l-Knisja qed jispiċċaw imorru dritt il-polyclinic għall-kura.

Dan apparti t-tgergir li għaddej mhux biss mir-residenti iżda anke minn dawk il-persuni li jkollhom xi qadja f’din il-lokalità li qed ikollhom jgħaddu minn qalb xeba’ makkinarju u trab kontinwu fl-arja.