Lokali

Rhoda Garland maħtura Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbilità

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi approva l-ħatra ta’ Rhoda Garland bħala Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Il-kelliema tal-PN għall-Persuni b’Diżabbiltà, Graziella Galea, stqarret illi dan hu rwol importanti għall-ħarsien tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

“Inħares ‘il quddiem sabiex flimkien inkomplu naħdmu favur dawn il-persuni. Nawgura lil Rhoda Garland suċċess għal ħidma sfieqa f’dan is-settur. U nirringrazzja lil Samantha Pace Gasan għall-ħidma li wettqet fl-istess kariga matul l-aħħar żmien.”

Rhoda Garland iggradwat b’Baċellerat bl-Unuri fl-Accounting u l-Finanzi u aktar tard saret Management Accountant fi ħdan iċ-Chartered Institute of Management Accountants. Għal bosta snin hija ħadmet bħala Management Accountant ma’ kumpaniji bbażati fir-Renju Unit u kienet involuta fi proġetti kemm mil-lat finanzjarju, kif ukoll minn dak ta’ management u informatika.

F’Malta kompliet taħdem bħala konsulenta tal-IT, sakemm fl-2014 hija bdiet taħdem bħala riċerkatriċi fuq l-ewwel Rapport tal-Istat Malti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva. Fl-2015, wara li temmet b’suċċess kors ta’ Masters fl-Istudji tad-Diżabilità mill-Università ta’ Malta, hija ngħaqdet mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, l-ewwel fir-rwol ta’ konsulenta fuq proġetti ffinanzjati mill-UE, imbagħad mill-2016, bħala Direttur Eżekuttiv.

Sa minn età żgħira, Garland kienet attiva favur id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Hi kienet il-President tal-NGO Breaking Limits li xogħolha kien li jkattar l-għarfien dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità kemm mal-pubbliku inġenerali, kif ukoll fost il-politiċi u policymakers.

Il-predeċessur ta’ Garland fil-kariga ta’ Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan, aktar kmieni din is-sena bdiet tokkupa kariga pubblika oħra.