Internazzjonali

Settembru qalil…u rekord ġdid tas-sħana

It-temperaturi tas-sħana madwar id-dinja għal Settembru kienu l-ogħla għal dan ix-xahar mindu bdew jinżammu r-rekords u meta r-rekord preċedenti kellu jinkiser b’marġni sinifikanti.

Ix-xjenzati, fil-fatt, huma sorpriżi u xukkjati bid-data li qed turi li, f’Settembru, kien hemm l-akbar qabża mill-medja tas-sħana s-soltu reġistrata għal dan ix-xahr mill-1940 ‘il hawn.

Id-data kienet provduta mis-Servizzi ta’ Copernicus għall-Bidliet fil-Klima u meta t-temperaturi għal Settembru kienu aktar sħan, bi 0.93 gradi Celsius, mit-temperaturi medja għal Settembru bejn l-1991 u l-2020. It-temperaturi għax-xahar li għadda kienu anki ogħla b’0.5 gradi Celius mir-rekord preċedenti mwaqqaf fl-2020.

L-esperti jemmnu li l-emissjoni tal-gassijiet, flimkien mal-fenomenu tat-temp magħruf bħala El Nino qed jixprunaw din is-sħana storika. Dan ukoll meta x-xjenzati qed jaqblu li l-2023 x’aktarx li se tkun ikkonfermata bħala l-aktar sena sħuna għal dawn l-aħħar 100 sena u wara li numru kbir ta’ pajjiżi batew l-effetti tal-aktar sajf qalil fil-memorja.