Raġel ta’ 41 sena resdienti Raħal Ġdid ġie kkundannat sitt xhur ħabs mill-Maġistrat Kevan Azzopardi wara li nstab ħati li ttanta jidħol f’dar tal-anzjana biex jisraqha. Owen John Carabott instab ħati li fid-dawl tax-xemx fil-jum tad-29 ta’ Mejju 2022 ipprova jisraq minn dar ta’ anzjana f’Ħ’Attard.
L-anzjana, li llum għandha 67 sena xehdet li kien għall-ħabta tat-3.30pm meta semgħet taħbita fuq il-bieb u xi ħadd jgħidilha “jien nanna”. Hi ndunat mill-ewwel li ma kienx in-neputi imma mill-‘keyhole’ ma setgħetx tikkonferma għax kellu xagħru mniżżel.
L-anzjana sostniet li l-kliem eżatt kien “iftaħ nann, ejja iftaħ nann” u bexxqet il-bieb u rat raġel bil-maskra li qalilha li ried jixrob, jiekol u li ried l-flus. Qalet li b’idha u b’ġenbha għalqet il-bieb u sieq ir-raġel inqarset u beda jgħajjat u jidgħi għax weġġa’.
L-anzjana imbagħad dlonk ċemplet lill-Pulizija imma qalet ukoll li kienet lesta tagħtih xi ħaġa imma ma ħaditx pjaċir li jimbuttalha l-bieb biex jidħol. Il-Pulizja li xehdu fil-kawża kkonfermaw li arrestaw lill-akkużat fuq il-post bl-Ispettur Ritienne Gauci, li investigat il-każ, xehdet li meta kien arrestat l-akkużat qal li huwa kien qed jittallab fit-triq għax ma kellux fejn joqgħod.
Wara li sema’ l-provi, il-Maġistrat Azzopardi qal li l-verżjoni tal-anzjana kienet konsistenti u kkorraborata mix-xhieda tal-Pulizija. Qal li ma jaqbilx mal-istqarrija tal-akkużat li kien qed jittallab għall-karita għax kieku ma kienx jipprova jingannaha li huwa neputi tal-vittma.
“F’pajjiżna nsibu l-kultura fejn persuni jduru bieb, bieb jitolbu u jiġbru għal xi kawża, u normalment dawn ikunu qed jirrappreżentaw xi moviment jew entità rikonoxxuta. Hekk, fil-fatt, nies iduru biex jiġbru għal-armar tal-festi, għal-logħob tan-nar, għal nies fil-bżonn u raġunijiet oħra.
“Biss dawn jidentifikaw irwieħhom. Kieku l-imputat kien onest, u waqaf hemm, sempliċiment ħabbat b’kordjaleta u talab xi ħaġa, ċertament li din il-Qorti ma kinitx se ssib ħtija fl-imputat. Biss iċ-ċirkostanzi u l-provi tal-prosekuzzjoni jindikaw xorta oħra.
Meta ġie biex jagħti l-piena, il-Maġistrat Azzopardi kkunsidra dik li sejjaħ bħala fedina penali kkulurata u li kien ingħata diversi opportunitajiet biex jirriforma. Għaldaqstant kien ikkundannat sitt xhur ħabs u nħareġ ordni ta’ trażżin għal tliet snin biex jipproteġi lill-anzjana fejn ġie mwissi li jista’ jeħel €7,000 multa jekk jikser din l-ordni.
//= $special ?>