Fi stqarrija maħruġha minn David Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew qal li x-xewqa tal-MEP Laburista Alex Agius Saliba biex il-Kummissjoni Ewropea tinvestiga lill-importaturi Maltin turi li anke dawk qrib Robert Abela tilfu l-fiduċja fil-Gvern tagħhom stess li jista’ jindirizza l-problema tal-għoli tal-ħajja.
Agħar minn hekk, hi azzjoni ta’ attakk u insult lejn in-negozjant Malti li qed jitgħabba bit-tort kollu tal-fallimenti tal-Gvern ta’ Robert Abela fil-ġlieda mitlufa tiegħu kontra l-għoli tal-ħajja.
Li Agius Saliba mar jattakka lin-negozjanti Maltin fl-istituzzjonijiet Ewropej turi n-nuqqas ta’ serjetà tad-delegazzjoni Laburista, li qed tistrieħ fuq il-ħidma tal-Kummissjoni meta ħadd mill-Gvern Laburista ma donnu ntebaħ li hi qabelxejn ir-responsabbiltà tagħhom.
Agħar minn hekk, li twaħħal għall-prezzijiet għolja u għall-għoli tal-ħajja fuq l-importatur u n-negozjant Malti turi kemm il-Gvern ta’ Robert Abela hu maqtugħ mir-realtà u mhux talli maqtugħ, talli għan-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu, qed iwaħħal f’ħaddieħor.
Il-Gvern għandu jgħin u mhux jipponta s-swaba’ għan-nuqqasijiet li suppost qed jindirizza hu.
Minflok, il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ekonomiku għal ħajja aħjar f’pajjiżna, fejn fost l-oħrajn irid li jinħoloq Fond Nazzjonali biex nappoġġaw lill-industrija li timporta jew tesporta. U dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt tal-għoli tal-ħajja.