Lokali

Albaniż fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn karozza f’Ħal Tarxien

Albaniż ta’ 22 sena residenti Ħal Tarxien qed jissielet għal ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Ħat Tarxien stess.

L-inċident seħħ il-Ġimgħa għall-ħabta tas-6:30am fi Triq San Anard.

Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li ż-żagħżugħ intlaqat minn karozza tal-għamla Toyota Yarisa misjuqa minn raġel ta’ 24 sena residenti ż-Żejtun. 

Tim mediku mar fil-post sabiex jassisti u ambulanza ħadet lill-Albaniż l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.

Aktar tard ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Il-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet.