Lokali

Deputat Laburista b’attakk fuq Robert Abela u l-klikka tiegħu dwar l-isfreġju ambjentali f’Għawdex

Fi tmiem is-Seduta Parlamentari tat-Tlieta li għadda l-Aġġornament ittieħed mid-Deputat Għawdxija Abigail Camilleri li ħatfet l-okkażjoni biex tat xebgħa lil Robert Abela u ’l-klikka tiegħu għar-rigward tal-isfreġju ambjentali li tħalla jsir f’Għawdex fl-aħħar snin, prinċipalment grazzi għall-iżvilupp bl-addoċċ li rrovina diversi xenarji tipiċi tal-gżira.

Id-Deputat Laburista Għawdxija Abigail Camilleri qalet li fil-ġimgħat li għaddew hi baqgħet għaddejja bil-
ħidma tagħha li tibqa’ viċin in-nies u semgħet mingħand l-Għawdxin stess kif inhuma mħassba u preokkupati dwar l-iżvilupp eċċessiv li sar u qiegħed isir f’Għawdex… naturalment bil-barka ta’ Robert Abela u l-klikka tiegħu u wkoll bil-barka tal-Awtorità tal-Ippjanar… inkluża l-fergħa tagħha f’Għawdex li ħafna drabi hi assenti mill-qadi tad-doveri tagħha.

Preċiżament Abigail Camilleri fissret li: “Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar l-Għawdxin qegħdin jindunaw
kemm hu importanti l-ħarsien tal-ambjent madwarhom għaliex l-ambjent hu importanti għalina lkoll.
“Fil-fatt l-ambjent hu diskuss ħafna mill-Għawdxin li issa qegħdin jindunaw x’qiegħed jiġri fil-gżira ta’
Għawdex u għalhekk issa qegħdin jgħidu x’inhuma jistennew mill-politiċi.” Hi qalet li l-Għawdxin jixtiequ li s-sbuħija ta’ din il-gzira ma tinqeridx; li l-karatteristiċi li jagħmluha unika ma jintilfux; li s-seħer tal-irħula ż-żgħar ma jintilifx.

B’ton ta’ ċanfira, id-deputat Laburista wissiet lil Robert Abela u ’l-klikka tiegħu u lil dawk responsabbli fl-
Awtorità tal-Ippjanar li: “dak li laħaq sar sar u ħadd ma jista’ jreġġa’ l-arloġġ lura, imma hu fundamentali li
minn issa ’l quddiem ma nitilfux dak li baqgħalna.”

Hi appellat biex kull żvilupp li jsir f’Għawdex ikun wieħed sostenibbli ħalli jitħares il-wirt storiku u
ambjentali ta’ Għawdex “ħalli hekk inkomplu nattiraw lit-turist ta’ kwalità… imma għandna nħarsu l-ambjent mhux għat-turist imma għalina, għandna nissalvagwardaw il-green belt bejn raħal u ieħor għalina, għandna nżommu nadif għalina, il-baħar inħarsuh għalina u għal uliedna u għall-ġenerazzjonijiet futuri li jridu jkomplu jgħixu f’Għawdex.”

Hawnhekk hi rringrazzjat lil sindki, kunsillieri u għaqdiet mhux governattivi għall-ħidma tagħhom favur il-
ħarsien tal-ambjent u qalet li fost l-oħrajn tħoss li għandha ssellem lis-Sindku tal-Qala Pawlu Buttigieg li ħadem qatigħ biex salva l-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u hekk din il-bajja issa se tibqa’ tal-pubbliku… b’botta diretta lejn dawk kollha li riedu jaħtfu taħt idejhom din iz-zona u jagħmluha tagħhom sempliċiment għall-fatt li dan il-Gvern Laburista baqa’ jkaxkar saqajh milli jwaqqaf ħesrem kull ħolm ta’ xi ħadd li jikkapparra din il-bajja u l-madwar.

Hi kompliet twissi lil Robert Abela u l-klikka ta’ madwaru li l-Għawdxin iridu jaraw il-fatti – li l-iżvilupp
isir b’mod sostenibbli; li l-applikazzjonijiet ta’ bini mostruż f’zoni odż ikunu rifjutati… u kull min jibni, jibni
b’tali mod li jkun jagħmel estetikament sens.

Finalment attakk dirett ukoll fuq il-‘kollega’ tagħha l-Ministru Clint Camilleri għar-rigward tal-
infrastruttura… b’Abigail Camilleri tgħid li fadal ħafna xi jsir għat-titjib tal-infrastruttura.