“L-Ewropa dejjem bidlet l-istorja. Għelbet l-isfidi u d-differenzi li dehru impossibbli. Dejjem sabet modi ġodda li jkomplu jittrasformaw il-ħajjiet tan-nies għall-aħjar. Għandna bżonn doża ta’ dak l-ispirtu mill-ġdid.”
Dan sostnietu l-President tal-Parlament Ewropew u l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola waqt il-Kunsill Ewropew informali li sar fi Granada, Spanja.
Roberta Metsola qalet li rridu nibqgħu nistinkaw biex l-Ewropa ssir post ta’ ugwaljanza, ta’ opportunitajiet, sigurtà, prosperità, dinjità u impjiegi. Hawnhekk hija spjegat li dan ifisser li jinstabu modi aħjar li jagħmlu differenza għal ġenerazzjonijiet ġodda u għal mewġa ġdida ta’ Ewropej.
Hija żiedet tgħid li għall-ewwel darba f’għaxar snin, jinsabu viċin li jintlaħaq ftehim dwar l-immigrazzjoni. Il-President Metsola qalet li l-Parlament Ewropew hu impenjat li jiffinalizza l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Hawnhekk hi aċċennat li fejn hemm rieda politika, naslu.
Roberta Metsola qalet li l-Ewropa trid tkun lesta għall-isfida li jmiss, filwaqt li rrimarkat li biex dan isir, il-budget fit-tul irid jirrifletti l-kwistjonijiet li qed jiffaċċjaw iċ-ċittadini Ewropej illum u l-isfidi li se jiġu ffaċċjati għada.
Hija sostniet li dan hu l-uniku mod kif nibqgħu kompetittivi u niġġeneraw tkabbir ekonomiku reali u sostenibbli fl-Ewropa.
//= $special ?>