Lokali

Għax niexef mill-ideat il-Partit Laburista jerġa’ jattakka lill-Maltin fin-negozju – PN

Il-Gvern ta’ Robert Abela ma jistax jibqa’ jwaħħal fin-negozji u fl-importaturi Maltin għan-nuqqasijiet tiegħu. Malta jixirqilha tmexxija li toffri ħajja aħjar f’pajjiżna.

Dan hu dak li ntqal matul konferenza tal-aħbarjiet indirizzata mill-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża Mark Anthony Sammut, u mill-Kelliem għal-Livell ta’ Għajxien Aħjar b’Impenn Kontra l-Għoli tal-Ħajja Albert Buttigieg, fejn kien indirizzat ukoll l-attakk tal-MEP Laburista Alex Agius Saliba biex il-Kummissjoni Ewropea tinvestiga lill-importaturi Maltin.

Mark Anthony Sammut qal li anke dawk qrib Robert Abela tilfu l-fiduċja fil-Gvern tagħhom stess li jista’ jindirizza l-problema tal-għoli tal-ħajja. Agħar minn hekk, hi azzjoni ta’ attakk u insult lejn in-negozjant Malti li qed jitgħabba bit-tort kollu tal-fallimenti tal-Gvern ta’ Robert Abela fil-ġlieda mitlufa tiegħu kontra l-għoli tal-ħajja. Kompla billi fakkar fl-attakk fuq in-negozjanti Maltin u lis-sidien tal-ħwienet min-naħa tal-Partit Laburista minn kandidat ieħor, Clint Azzopardi Flores, f’Lulju li għadda meta wkoll qal kummenti simili kontra l-Maltin u l-Għawdxin.

Min-naħa tiegħu Albert Buttigieg qal li hu insult li MEP Laburista mar jattakka lin-negozjanti Maltin fl-istituzzjonijiet Ewropej u li dan kollu juri n-nuqqas ta’ serjetà tad-delegazzjoni Laburista, li qed tistrieħ fuq il-ħidma tal-Kummissjoni meta ħadd mill-Gvern Laburista ma donnu ntebaħ li hi qabelxejn ir-responsabbiltà tagħhom. Kompla li meta jwaħħal għall-prezzijiet għolja u għall-għoli tal-ħajja fuq l-importatur u n-negozjant Malti, il-Gvern ta’ Robert Abela jkun qed juri kemm hu maqtugħ mir-realtà. Realtà li mhux biss qed jgħidha l-Partit Nazzjonalista, imma qed jgħiduha wkoll imsieħba soċjali u entitajiet oħrajn li jaħdmu viċin is-settur.

Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ekonomiku għal ħajja aħjar f’pajjiżna, fejn fost l-oħrajn irid li jinħoloq Fond Nazzjonali biex nappoġġaw lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt fuq l-għoli tal-ħajja.