Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Ma tonqosx il-kundanna għat-‘terroriżmu sistematiku’ tal-Kremlin

Il-popolazzjoni sħiħa tal-villaġġ Ukren ta’ Hroza tinsab imbikkma u trawmatizzata wara l-qtil ta’ mill-anqas 50 ċivili – inklużi tfal – waqt attakk speċifiku mill-qawwiet tar-Russja fuq dan il-villaġġ, fir-reġjun ta’ Kharkiv.

L-attakk, matul il-lejl tal-Ħamis, affettwa lil kull familja fl-inħawi u qed jidher ovvju li kien intenzjonat biex jintimida lill-poplu Ukren. Dan waqt li l-Kremlin ta’ Moska mill-ġdid qed jirrikorri għal tattiċi terroristiċi matul il-gwerra fl-Ukrajna li dieħla f’fażi ġdida aktar ma qed tavviċina x-xitwa.

L-Istati Uniti u pajjiżi oħra tal-Punent, fl-aħħar sigħat, ikkundannaw l-attakk fuq iċ-ċivili fi Hroza li spiċċaw mira tal-aggressjoni waqt li kienu miġburin flimkien wara li kienu attendew għall-funeral ta’ ħabib. Min-naħa tagħha, Karine Jean-Pierre, fir-rwol tas-Segretarju Stampa tal-White House, fissret l-attakk bħala ‘wieħed brutali u tat-twerwir li ma jista’ ikun aċċettat taħt l-ebda ċirkustanzi’.

Ir-Russja, sadanittant, qed tipprova tikkonvinċi lill-komunità internazzjonali li kienet qed tikkonċentra l-attakki fuq il-militar Ukren fi Hroza u l-madwar, iżda diversi sorsi qed jinsistu li l-allegati miri militari fl-inħawi kienu, fil-fatt, ‘ineżistenti’.

Il-Ministeru tad-Difiża Ukren, intant, ħareġ stqarrija biex jispeċifika li ma kien hemm l-ebda stakkamenti ta’ suldati jew tagħmir militari fis-sit tal-attakk filwaqt li sostna li r-Russja ‘immigrat dolożament għal komunità ta’ ċivili bil-ħsieb li tħalli l-massimu tal-vittmi’.

Dan waqt li l-prosekuturi fl-Ukrajna ħarġu r-ritratti tal-katavri qalb it-tifrik tal-bini u tad-dħaħen li kienu telgħin mill-inħawi ta’ Hroza li ntlaqtu direttament mill-missili tar-Russi. Fl-istess ħin, il-ħaddiema għall-emerġenzi bħalissa qed iduru qalb it-tifrik bit-tama li jsibu l-ħajjin – u fejn fil-parti kbira spiċċaw jelevaw biss il-katavri mill-inħawi.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li r-Russja ‘qed tippersisti fit-triq tat-terroriżmu’ mingħajr ma tagħti każ l-istmerrija kollettiva tal-popolazzjonijiet ċivilizzati.

Hu, fl-istess ħin, ħeġġeġ biex l-Alleati tal-Punent jgħinuh fit-tisħiħ tad-difiżi tal-Ukreni għal kontra l-attakki mill-ajru fost il-kumment li ‘ir-Russja se tkompli b’dawn l-attakki terroristiċi bil-ħsieb li żżewwaq mentalità li d-dinja tista’ taċċetta l-ġenoċidju bħala ħaġa normali’.