“Il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida għandu jkollha bilanċ bejn l-interess tal-pubbliku kif ukoll tan-negozji sabiex nassiguraw li din il-linja tal-ajru tibqa’ vijabli għal żmien twil.”
Dan sostnietu l-Kamra tal-Kummerċ fi stqarrija, hekk kif iċ-Chamber insistiet fuq l-importanza li jkollna linja nazzjonali tal-ajru – xi ħaġa li hija kruċjali għal pajjiżna.
Fl-istqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ saħqet fuq l-importanza li l-linja nazzjonali tal-ajru jkollha pjan strateġiku effiċjenti. Dan wara li l-Air Malta għal bosta snin adottat prattiċi li mhumiex sostenibbli; prattiċi li fihom kien hemm indħil politiku.
Iċ-Chamber qalet li dawn il-prattiċi swew il-mijuni ta’ ewro lil pajjiżna filwaqt li issa tittama li l-Gvern tgħallem lezzjoni minn dan kollu sabiex il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida tibqa’ topera għal żmien twil.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li ma jistax ikun li l-Gvern jibqa’ jistenna sakemm entitajiet jispiċċaw għarkubbtejhom biex iħares il-governanza, l-operazzjoni tal-entita kif ukoll il-proċess sabiex jiddaħħlu ħaddiema ġodda.
Apparti minn hekk, il-Kamra tal-Kummerċ irrimarkat li huwa essenzjali li pajjiżna jkollu linja nazzjonali tal-ajru u għalhekk enfasizzat fuq l-importanza li f’Malta jkollna konnettività tal-ajru bla interuzzjoni; fosthom titjiriet relatati ma’ emerġenza ta’ saħħa.
Appell ieħor kien indirizzat lejn dawk kollha kkonċernati sabiex jaħdmu flimkien ħalli l-linja nazzjonali l-ġdida ma tirrepetix l-iżballji tal-passat għaliex hekk biss jista’ jkollna linja nazzjonali tal-ajru vijabbli; fl-interess nazzjonali.
//= $special ?>