Lokali

Il-Kamra tal-SMEs tikkundanna l-attakk ta’ Agius Saliba fl-UE kontra n-negozji Maltin

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs) ikkundannat l-attakk li l-MEP Laburista Alex Agius Saliba għamel kontra n-negozji Maltin meta kiteb lill-President tal-Kummissjoni Ewropea biex issir investigazzjoni fuq l-importaturi u n-negozji Maltin.

Fi stqarrija l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qalet li tinnota b’diżappunt kbir kif l-MEP Alex Agius Saliba għażel li jaġixxi u jindirizza problema li tinvolvi settur ta’ negozji Maltin.

Malta għandha l-istruttura tagħha stess ta’ Awtoritajiet u rotot definiti b’mod ċar biex tittratta tħassib relatat ma’ kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, xi ħaġa li l-Kamra tal-SMEs ta’ spiss tuża biex tindirizza l-abbuż. L-MEP Agius Saliba iżda għażel li ma jagħtix kas ta’ dan u appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tintervjeni u saħansitra talabha biex tinvestiga n-negozji Maltin.

Sfortunatament mhix l-ewwel darba li l-Kamra tal-SMEs innutat attitudni negattiva lejn in-negozji mill-MEP. Mill-MEPs kollha li qiegħdin fil-preżent huwa l-uniku wieħed li qatt ma fittex li jimpenja ruħu f’xi kuntatt, jikkonsulta jew jinvolvi lill-Kamra tal-SMEs b’xi mod kif huwa dmir li jagħmel sabiex jirrappreżenta lis-soċjetà kollha ta’ Malta. Il-MEPs huma eletti fuq livell nazzjonali biex jirrappreżentaw lil Malta kollha kemm hi u żgur li ma jistgħux jinjoraw u jaħdmu kontra settur ewlieni tas-soċjetà – in-negozji.

Il-Kamra tal-SMEs hija sorpriża ħafna b’dan l-attakk speċjalment peress li Agius Saliba ġej mill-partit li ttimbra lil dawk li jgħidu kontra affarijet lokali ta’ Malta fi Brussell bħala tradituri. Il-pożizzjoni adottata mill-MEP Agius Saliba hija ipokrita, tmur kontra l-partit tiegħu stess u dawk li dehru li huma l-prinċipji tiegħu stess.

Il-Kamra tal-SMEs mhux se taċċetta li n-negozji Maltin isiru scapegoats għal avvanzi politiċi irħas. Jidher ċar li dan huwa attakk mhux ġustifikat imqanqal minn strateġija negattiva biex tinkiseb viżibbiltà bħala parti mill-kampanja elettorali tal-MEP li se ssir f’inqas minn sena. Infakkru lil Agius Saliba li n-negozji Maltin jagħmlu parti kbira mill-voti u l-attakk tiegħu ma rebbħu ebda favur. Il-Kamra tal-SMEs temmen li din l-attitudni ta’ tattiċi irħas m’għandhiex tkun fdata.