Lokali

Il-Moviment Żgħażagħ Ħaddiema Nsara jikkundanna bla riserva l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan

Ritratt: Mill-arkivji

Il-Moviment taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara fi stqarrija qal li jesprimi tħassib u inkwiet dwar l-iskandlu
tal-liċenzji tas-sewqan.

ŻĦN jikkundanna bla riserva dan l-iskandlu, li uwa prova ċara ta’ l-inġustizzji u l-inugwaljanzi sfaċċati li qed jiġu mkattra fis-soċjetà Maltija. Kif saħqu wkoll dwar l-iskandlu riċenti tal-benefiċċji soċjali, li l-operat tal-entitajiet u sservizzi tal-istat jinbidlu f’magna għax-xiri tal-voti hija inaċċettabbli, u insult għal dawk il-ħaddiema kollha onesti u bieżla li jaqilgħu l-għixien tagħhom mingħajr ma jfittxu xi pjaċir.

Mill-messaġġi bejn uffiċjali mlaħħqin f’diversi istituzzjonijiet pubbliċi svelati din il-ġimgħa, jidher ukoll li dan l-abbuż qed jitwettaq akkost tas-sigurtà tal-ħaddiema u l-poplu Malti kollu fit-toroq kompliet tgħid ŻĦN.

Il-fatt li dan l-abbuż qed jiġi ddefendut bħala parti ntegrali mill-proċess politiku Malti huwa ta’ nkwiet kbir. Il-Moviment taż-Żgħażagħ temm jgħid li wieħed jinqeda’ b’dawn il-mekkaniżmi tal-istat ma jkunx qed ikun viċin in-nies, imma jkun qed jissogra ħajjet iċ-ċittadini u jherri s-sisien tad-demokrazija Maltija.