Lokali

Jibqgħu ma jagħmlux apoloġija għall-iskandli li saru mill-Gvern

Il-Membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela qed jibqgħu jirreżistu milli jagħmlu apoloġija lill-poplu Malti quddiem l-aħħar skandli li qed jifnu lill-Gvern Laburista.

L-aħħar ċanfira waslet mill-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem hekk kif bl-aktar mod ċar qalet li l-aġir tal-Gvern qed iwassal biex pajjiżna jispiċċa fi stat ta’ anarkija… fejn kulħadd jista’ jagħmel li jrid.  

L-MEA, b’mod b’saħħtu, ikkundannat l-aħħar skandli li qed jaffaċċja l-Gvern – dawk tal-frodi mill-benefiċċji soċjali kif ukoll ir-racket tal-liċenzji tas-sewqan.

Mistoqsi minn Net News jekk hux se jagħmel apoloġija quddiem dawn l-aħħar każijiet serjissimi ta’ abbuż… il-Ministru Michael Falzon ma ħassux komdu jwieġeb domanda sempliċi…u pressat mill-mistoqsijiet tagħna, Falzon reġa’ ħarab milli jwieġeb.

Aktar kmieni din il-ġimgħa Net News staqsa lill-Prim Ministru jekk hux se jagħmel apoloġija għal dan kollu… kif qed tappellalu l-MEA. B’Abela għamilha ċara li mhux se jkun qed jiskuża ruħu.

Dan meta l-allegazzjonijiet huma serji immens; u li fi kliem semplici jfissru li fit-toroq tagħna għandna nies li ngħataw liċenzja tas-sewqan….sempliċiment għaliex għaddewhom mit-test, bi pjaċir….. u pesuni li ngħataw għajnuna f’benefiċċji soċjali meta fil-verità qatt ma kienu intitolati għalihom.