Lokali

Konferma mill-Qorti li l-Gvern jaħtaf l-istituzzjonijiet – PN

Illum, għal darb’oħra, ġie kkonfermat li t-tkeċċija ta’ Jonathan Ferris mill-FIAU kienet waħda inġusta u intiża biss biex twaqqfu milli jagħmel xogħlu f’każi li fihom kienu u għadhom involuti politiċi Laburisti.

Fi kliem il-PN, id-deċiżjoni tal-lum turi li l-Gvern Laburista u l-istituzzjonijiet ikkontrollati minnu keċċew ħaddiem b’mod inġust u bi ksur ta’ liġi meta dan kien qed jagħmel xogħlu.

Il-Partit Nazzjonalista – fi stqarrija maħruġa mid-deputati Karol Aquilina u Jerome Caruana Cilia – qal illi jistenna li l-Gvern jiżgura li dawk kollha responsabbli għal dan l-abbuż jerfgħu r-responsabbilità, ewlieni fosthom l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li ġie ppremjat minn Robert Abela billi ħatru Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Edward Scicluna għandu minnufih jirriżenja minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali u fin-nuqqas li jagħmel hekk, għandu jkun Robert Abela li, bħala Prim Ministru, jibda l-proċess biex jitneħħa minn din il-kariga.