Internazzjonali

L-Iran: Vittma tal-oppressjoni tar-reġim tirbaħ il-Premju Nobel għall-Paċi

Narges Mohammadi,  mara Iranjana u magħrufa bħala attivista ewlenija favur id-drittijiet umani u d-drittijiet tal-mara, rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi ta’ din is-sena…Iċ-ċirkustanzi, sadanittant, huma partikulari, minħabba li Mohammadi, fil-preżent qed tiskonta terminu ta’ 31 ħabs fl-Iran u fejn anki spiċċat suġġetta għal ‘għexieren ta’ daqqiet bil-frosta’ bħala parti mis-sentenza.

Il-Kumitat tan-Nobel għall-Paċi fin-Norveġja qal li Narges Mohammadi, li għandha 51 sena, jistħoqqilha dan il-premju għall-mod determinat u kuraġġjuż kif irreżistiet l-oppressjoni tan-nisa fl-Iran fundamentalista.

Dan ukoll meta l-ħidma u l-impenji ta’ din il-mara swewlha bil-kbir minn lat personali u fejn hi sfat vittma ta’ persekuzzjoni qalila min-naħa tar-reġim Iżlamiku f’Tehran.

Minbarra s-sentenza tal-ħabs attwali, Mohammadi kienet spiċċat arrestata għal tlettax-il darba u fejn għal ħames darbiet instabet ħatja mill-akkużi miġjuba kontra tagħha.

Narges Mohammadi hi l-Viċi-Kap tad-Defenders of Human Rights Center u s-sena l-oħra kienet inkluża fil-lista ‘100 Women’ tal-BBC …Lista ta’ profil għoli magħmulha min-nisa influwenti madwar id-dinja u oħrajn li jservu bħala ispirazzjoni għal ħaddieħor.

L-għoti tan-Nobel lil din l-Iranjana, sadanittant, għandha anki sinifikat speċjali għaliex il-konferma ngħatat wara ftit aktar minn sena ta’ protesti fl-Iran li fihom in-nisa u t-tfajliet kienu l-protagonisti indiskutibbli.

F’Diċembru li għadda, Mohammadi kitbet, mill-ħabs, biex tiżvela kif in-nisa Iranjani li spiċċaw arrestati waqt id-dimostrazzjonijiet spiċċaw abbużati fiżikament u sesswalment bħala parti minn aġir vjolenti, min-naħa tar-reġim Iranjan, li kien qed juża l-ponn tal-ħadid biex irażżan id-dimostrazzjonijiet kbar kontra tiegħu f’Tehran u bliet oħrajn.

L-inkwiet kien xprunat mill-każ ta’ Mahsa Amini,  mara Iranjana ta’ 22 sena, li mietet ftit wara li spiċċat arrestata mill-pulizija talli ma kenitx konformi mal-istil tal-ilbies stabbilit mir-reliġjon  Iżlamiku.

U waqt id-dimostrazzjonijiet sussegwenti – li żviluppaw f’Settembru tal-2022 – eluf kbar ta’ Iranjani ħarġu fit-toroq biex jinsistu għal livell ta’ libertà ogħla fost l-għajjat biex jitwarrab ir-reġim Iżlamiku tal-Ayatollah Ali Khamenei; il-Mexxej Suprem tal-Iran.

Il-protesti fl-Iran, fil-parti kbira, ikkalmaw  wara li l-awtoritjiet Iranjani rrankaw l-azzjonijiet vjolenti kontra l-poplu bil-ħsieb li jikkontrollaw sitwazzjoni mill-aktar allarmanti għal Khamenei u sħabu.