Il-problema tas-saħħa mentali hija realtà li pajjiżna qed jaffaċċja ta’ kuljum… problema li qed taffettwa anke tfal sa minn età żgħira.
Fl-okkażjoni tal-jum dinji li jfakkar is-saħħa mentali, li se jkun iċċelebrat fl-10 ta’ Ottubru, l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-tfal nieda tliet filmati ta’ għarfien li se jkunu qed jitqassmu lill-iskejjel kollha madwar pajjiżna.. b’wieħed minnhom se jkun immirat lejn il-ġenituri.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa filgħodu, il-Kummissarju tat-Tfal Antoinette Vassallo tkellmet dwar kif is-saħħa mentali hija dritt ta’ kull tifel u tifla, hekk kif iktar ma jgħaddi ż-żmien, din il-problema qed issir realtà li qed jaffaċċjaw bosta tfal u adoloxxenti.
Hija tkellmet ukoll dwar l-importanza li jitqajjem aktar għarfien dwar din il-problema anke fost l-istudenti ta’ età żgħira sabiex fost l-oħrajn jitnaqqsu r-riskji li jwasslu għal problemi ta’ saħħa mentali.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijet il-Ministru Michael Falzon qal li pajjiżna jrid jaħdem iżjed sabiex jaffaċċja din ir-realtà hekk kif sfortunament l-aspett ta’ stigma lejn min ikollu problemi ta’ saħħa mentali għadu preżenti.
Huwa għamel referenza għal dak li qalet l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, fejn 35% tal-persuni jkollhom issues ta’ saħħa mentali f’ħajjithom. Għalhekk, saħaq li din hija realtà li pajjiżna jrid jindirizzaha immedjatament.
Preżentament, kull min ikollu bżonn għajnuna fejn tidħol saħħa mentali jista’ jċempel fuq il-freephone 179 jew għal aktar għarfien jista’ jidħol fis-sit elettroniku tfal.org.mt.
//= $special ?>