Lokali

“Min iddiskrimina kontra Ferris għax fittex il-verità issa jħallas t’għemilu” – Repubblika

It-Tribunal Industrijali kkonkluda li saret diskriminazzjoni kontra l-ex uffiċjal tal-pulizija Jonathan Ferris meta dan kien tkeċċa mix-xogħol fl-FIAU. It-Tribunal impona kumpens ta’ €20,000 lill-istess Ferris għal din id-diskriminazzjoni.

Jonathan Ferris kien involut f’diversi investigazzjonijiet fil-kriminalità finanzjarja u kien maħtur Manager fl-FIAU fl-2016 iżda tneħħa fl-2017 meta kien għadu taħt probation. Ferris kien sostna li t-tkeċċija tiegħu kienet motivata politikament u din it-tkeċċija ma kinitx aċettata f’soċjetà demokratika. Għalhekk Ferris kien beda proċeduri kontra l-FIAU quddiem it-Tribunal Industrijali.

Fost l-investigazzjonijiet li Ferris kien qed jaħdem fuqhom kien hemm dik dwar il-Bank Pilatus.

F’reazzjoni għal din id-deċiżjoni tat-Tribunal Industrijali presedut miċ-Chairperson Anna Mallia, Repubblika laqgħet din id-deċiżjoni tat-Tribunal Industrijali li sab li meta l-FIAU kienu keċċew lil Jonathan Ferris waqt il-perjodu ta’ prova tal-impjieg tiegħu kienet twettqet diskriminazzjoni. Fi stqarrija Repubblika laqgħu wkoll il-kumpens li ordna t-Tribunal biex ipatti parti żgħira mit-tortura li l-gvern għadda u għadu jgħaddi minnha lil Jonathan Ferris sempliċiment għax wettaq xogħlu.

Repubblika qalu li Jonathan Ferris għadu jiffaċċja l-prosekuzzjoni bħala parti mill-kampanja ta’ intimidazzjoni li wettaq fuqu dan il-gvern. Dan minbarra li meta ried jikxef x’sar jaf meta kien investigatur, il-gvern ċaħadlu l-protezzjoni ta’ whistleblower. Mhux hekk biss, iżda deputat tal-gvern avżah mill-parlament li jekk hu (Jonathan Ferris) kellu, fil-proċess li japplika għall-protezzjoni ta’ whistleblower jew jikxef xi ħaġa li sar jaf meta kien l-FIAU, kien jintbagħat il-ħabs qabel l-applikazzjoni tiegħu tkun ikkunsidrata.

Repubblika saħqet kif għandha tieqaf immedjatament il-persekuzzjoni fuq Jonathan Ferris u l-pulizija għandha twaqqa’ l-każ kontrih. Jekk għadu jrid jixhed għandu jingħata l-protezzjoni kollha ta’ whistleblower.

Issa li t-Tribunal sab li saret din l-inġustizzja Il-ministru u l-uffiċjali li wettqu dawn l-inġustizzji għandhom iħallsu t’għemilhom ukoll, sostniet Repubblika.