Internazzjonali

UKRAJNA: Attakk bil-missili joqtol 51 persuna

Ritratt: EPA

Aktar minn 51 persuna tilfu ħajjithom, fosthom tifel ta’ tmien snin,  f’attakk mill-ajru waqt laqgħa wara l-funeral ta’ suldat Ukren f’raħal qrib Kharkiv. Prattikament kull familja kienet preżenti għal dan is-servizz il-Ħamis filgħaxija.  Rapporti jgħidu li l-armla tar-raġel, binhom – ukoll suldat – u l-kunjata huma fost il-mejta.

Il-ministeru tad-difiża tal-Ukrajna żamm lir-Russja responsabbli għall-attakk, u enfasizza n-nuqqas ta’ miri militari fil-viċinanzi. Ir-Russja baqgħet siekta dwar l-inċident, għalkemm aġenzija Russa tal-aħbarijiet statali aktar tard irrikonoxxiet l-azzjonijiet militari tagħhom fid-distrett ta’ Kupyansk mingħajr ma speċifikat meta u liema raħal kien milqut.

Hemm suspetti li xi ħadd seta’ għarraf lill-militar Russu dwar dan il-funeral fejn kienu se jkunu miġbura għadd ta’ residenti Ukreni, wara li ċċirkolaw xnigħat foloz ta’ laqgħa militari waqt iċ-ċerimonja ċivili.

l-kap reġjonali ta’ Kharkiv iddeskriva l-attakk bħala wieħed mill-“aktar delitti mdemmija” tar-reġjun.  Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-att “lanqas jista’ jissejjaħ att bestjali – għax ikun insult għall-bhejjem” filwaqt li akkuża lill-Kremlin dwar aggressjoni fuq livell ta’ ġenoċidju.