Lokali

Żagħżugħa fil-periklu tal-mewt wara li nqabdet bejn żewġ karozzi fil-Mellieħa

Żagħżugħa ta’ 20 sena qed tissielet għal ħajjitha wara li nqabdet bejn żewġ vetturi fil-Mellieħa.

L-inċident seħħ il-Ġimgħa filgħodu għall-ħabta tal-11:15 fi Triq il-Marfa.

Il-Pulizija marret fil-post u minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn karozza misjuqa minn raġel ta’ 57 sena residenti Ħaż Żebbuġ u karozza oħra misjuqa minn raġel ta’ 44 sena residenti Għajnsielem.

Fil-ħin tal-impatt, żagħżugħa ta’ 20 sena residenti Ħaż-Żebbuġ weġġgħet wara li nqabdet bejn iż-żewġ vetturi.

Il-vittma ngħatat l-għajnuna minn tim mediku, ittieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament u li tinsab fil-periklu tal-mewt.

Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.