Internazzjonali

Attakk fuq in-naħa t’isfel ta’ Iżrael – iddikjarat stat ta’ gwerra

Jum imdemmi għall-aħħar fil-Lvant Nofsani hekk kif matul il-jum tas-Sibt kien rappurtat li l-militanti tal-Hamas daħlu fin-nofsinhar ta’ Iżrael – f’attakk sorpriża wara li ġew sparati numru ta’ missili, wara li sistemi tal-intelliġenza Iżraeljana fallew milli jaraw dan l-attakk ġej u jinfurmaw liċ-ċittadini.

Il-media internazzjonali rrapurtat ukoll li kien hemm anke splużjonijiet qrib il-belt ta’ Tel Aviv u f’diversi naħat ta’ Gaza.

Numru ta’ militanti Palestinjani dehru jisparaw fuq in-nies fit-toroq fl-Iżrael fuq filmati li nxterdu fuq il-medja soċjali.

Il-Palestinjani minn naħa tagħhom qed jgħidu li sparaw mal-5,000 rocket f’temp ta’ 20 minuta.

Iżjed minn 740 persuna weġġgħu, filwaqt li tal-inqas 40 persuna nstabu mejta. Diversi Iżraeljani jinsabu wkoll maħtufa mill-militanti Palestinjani.

Il-Ministru tad-Difiża tal-Iżrael sostna li l-Hamas għamlu żball kbir li bdew gwerra kontrihom, filwaqt li kmandant militari tal-Hamas qed iħeġġeġ lil Palestinjani joħorġu jiġġieldu.

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu sostna li huma qegħdin fi gwerra, filwaqt li sostna li l-Palestinjani ser iħallsu l-prezz ta dan, u li l-Iżrael ser tirbaħ.

Dan l-attakk seħħ fl-aħħar jum tal-festa Lhudija Sukkot, tant li l-eluf ta’ persuni kienu qegħdin jiċċelebraw matul il-lejl bjen il-Ġimgħa u s-Sibt spiccaw jistennew lil militar Iżraeljan sabiex isalvahom.

Intant fl-aħħar sigħat l-Iżraeljani rritaljaw kontra l-Palestina, fejn rapporti indikaw li qatlu tal-inqas 198 persuna filwaqt li weġġgħu mal-elf persuna.

Il-Forzi Armati tal-Iżrael laqtu numru ta’ kampijiet militari tal-Hamas u ċentri militari f’Gaża.

Filwaqt li l-Prim Ministru Ingliż, Rishi Sunak wera solidarjeta lejn il-poplu Iżraeljan u sostna li għandhom dritt jiddefendu lilhom infushom.

Dan filwaqt li l-Iran qasmu s-sostenn tagħhom lejn il-Palestinjani fejn kelliema għat-tmexxija Iranjana sostnew li huma ser jagħtuhom is-sapport kollhu meħtieġ sakemm Ġerusalem u l-Palestinja jkunu liberati mill-Iżrael. Intant, kelliema għal White House Amerikana sostnew li huma ser jassiguraw li l-Iżraeljani jkollhom dak kollu li għandhom bżonn sabiex jiddefendu lil arthom.

Dan l-attakk wasal wara xhur u snin ta’ vjolenza u tensjoni bejn l-Iżrael u l-Palestinja. Tensjoni li ilha għaddejja mill-gwerra ta’ Yom Kippur li seħħet kważi 50 sena ilu.