Futbol Sport

Futbol Taljan: Jispikka d-derby ta’ Turin

(Ritratt: EPA)

Fit-tmien ġurnata tas-Serie A tispikka d-derby ta’ Turin fil-Juventus Stadium fejn Juventus jospitaw lil Torino. Minbarra din il-logħba tkompli wkoll l-isfida bejn iż-żewġ timijiet ta’ Milan, Inter u Milan li qed jaqsmu l-ewwel post fil-klassifika bi 18-il punt.

Juventus ifittxu t-tliet punti fid-derby biex iżommu l-kuntatt ma’ ta’ quddiem, iżda llum għandhom impenn deċiżament diffiċli kontra Torino fejn il-kowċ Juventin Allegri se jkollu lil Vlahovic u Chiesa nieqsa. Juventus ilbieraħ ukoll ħadu l-aħbar li l-kontro analiżi tad-doping ta’ Paul Pogba ikkonfermaw il-pożittivita’ tal-plejer Franċiż li issa qed jirriskja sospensjoni ta’ erba’ snin.

Iż-żewġ logħbiet l-oħra tal-lum jaraw fl-azzjoni lil Inter u Milan, fejn Inter jospitaw lil Bologna filwaqt li Milan imorru Genova kontra Genoa. Inter friski mis-suċċess kontra Benfica fil-UEFA Champions League mhux mistennija li jfallu f’San Siro kontra Bologna.

Iktar problemi jista’ jkollhom Milan li l-Erbgħa kienu mpenjati f’Dortmund u llum mistennija li jkollhom sfida oħra qawwija minn Genoa immexxija minn eks plejer tagħhom Gilardino, fejn Genoa s’issa kellhom prestazzjonijiet ferm importanti.

Iċ-champions Napoli għada jospitaw lil Fiorentina. Iż-żewġ naħat kellhom ġimgħa diffiċli fl-Ewropa fejn Napoli tilfu f’darhom kontra Real Madrid filwaqt li Fiorentina salvaw draw fl-aħħar ħinijiet f’darhom kontra Ferencvaros.

Logħba oħra nteressanti għandha tkun dik tal-Olimpico bejn Lazio u Atalanta, żewġ timijiet li marru tajjeb fl-Ewropa fost il-ġimgħa, fejn Lazio wara t-telfa f’San Siro kontra Milan, marru Glasgow kontra Celtic u dawwru telfa f’rebħa. Anki Atalanta kisbu riżultat prestiġjuż fl-Europa League meta rebħu fil-Portugall kontra Sporting CP.

Roma jmorru għand Cagliari u jippruvaw idawwru r-rotta ħażina li s’issa kellhom fil-kampjonat, wara r-riżultat pożittiv miksub fl-Ewropa.

Intant fiż-żewġ logħbiet tal-bieraħ li taw il-bidu għal din it-tmien ħurnata, żewġ riżultati ta’ parità.

Fl-ewwel logħba l-ebda goal bejn Empoli u Udinese f’konfront dirett bejn żewġ timijiet li kellhom bidu diffiċli u s’issa, għalkemm għadu kmieni, qed jissieltu kontra r-relegazzjoni.

Fil-logħba l-oħra draw ta’ 1-1 bejn Lecce u Sassuolo, żewġ timijiet li s’issa kienu sorpriża pożittiva.

Kien Berardi li fetaħ l-iskor għal Sassuolo fl-ewwel taqsima minn penalty u kmieni fit-tieni taqsima Lecce kisbu d-draw permezz ta’ Krstovic.

Riżultati

Empoli v Udinese 0-0

Lecce v Sassuolo 1-1

Illum

15:00 Inter v Bologna

18:00 Juventus v Torino

20:45 Genoa v Milan

Għada

12:30 Monza v Salernitana

15:00 Frosinone v Verona

15:00 Lazio v Atalanta

18:00 Cagliari v Roma

20:45 Napoli v Fiorentina