Il-Ġimgħa filgħodu, il-President George Vella ngħaqad mal-Kapijiet ta’ Stat mhux Eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, fosthom tal-Portugall, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, il-Kroazja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, is-Slovenja u l-Ungerija għat-18-il laqgħa informali tal-Grupp Arraiolos f’Porto fil-Portugall.
Huma fakkru wkoll l-20 anniversarju min mindu twaqqaf il-grupp mill-President Portugiż ta’ dak iż-żmien Jorge Sampaio.
Waqt l-ewwel sessjoni mmexxija mill-President tal-Portugall Marcelo Rebelo de Sousa, huma ddiskutew l-Unjoni Ewropea u s-sitwazzjoni fl-Ukrajna, fejn huma kkundannaw l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, u l-President Vella saħaq li Malta ħadet din il-pożizzjoni bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Fit-tieni sessjoni ffukaw fuq it-triq ‘il quddiem għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-isfidi li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea. Fl-intervent tiegħu, il-President Vella indirizza l-emerġenza klimatika fil-Mediterran u ddiskuta strateġiji ta’ rispons effettivi, kif ukoll esprima t-tħassib ta’ Malta dwar il-migrazzjoni irregolari.
Malta ngħaqdet mal-Grupp fl-2015 u ospitat il-Laqgħa tal-Arraiolos fl-2017 u l-2022.
//= $special ?>