Lokali

Jonathan Attard jattakka lill-ġurnalist tat-Times of Malta – jgħid li hawn min qed joħloq “sitwazzjoni akbar milli hi”

Il-Ministru tal-Ġustizzja, u eks ġurnalist, Jonathan Attard – minflok ikundanna l-aġir ta’ diversi persuni involuti fir-racket tal-liċenzji tas-sewqan – fosthom Ministri u esponenti għoljin fil-kurituri ta’ Kastilja….għoġbu jattakka lill-ġurnalist li espona l-korruzzjoni u żvela ċ-chats.

Dan hekk kif is-Sibt filgħodu waqt intervista ma’ Andrew Azzopardi  mistoqsi jekk iżommx mal-prinċipju u n-narrattiva tal-Gvern tal-Labour li ma sar xejn ħażin huwa insista li politiku għandu jkun aċċessibli u viċin in-nies…madanakollu saħaq li hemm min qed jiprova joħloq sitwazzjoni akbar milli hi – b’attakk ċar fuq il-ġurnalist ta’ Times of Malta, Jacob Borg.

Il-Ministru ammetta li xi ħaġa ħażina sar għaliex kieku din is-sitwazzjoni mhux qed tiġi proċessata fil-Qorti madanakollu xorta waħda baqa’ jiddefendi lill-Ministri involuti….b’Andrew Azzopardi jinsisti li l-Gvern tal-Labour qed jarmi lill-uffiċjali tal-Customer Care tiegħu.

Intant, mistoqsi dwar ix-xandir u l-ġurnaliżmu fil-pajjiż – il-Minsitru Attard saħaq li ma teżistix kriżi fil-media.

Dikjarazzjoni mill-aktar ironika meta fl-aħħar xhur kemm-il darba l-poplu kien xhieda ta’ ċensura minn naħa tax-Xandir tal-Istat kif ukoll li fl-istess intervista Jonathan Attard attakka lil ġurnalist li żvela ċ-chats tar-racket tal-liċenzji.