Kif kien żvelat minn Net News lura f’Awwissu, Josianne Cutajar m’għadhiex il-Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz.
Xahrejn ilu, hija kienet infurmat lil ħaddiema ta’ din ir-residenza li kienet se tkun qed tirriżenja mill-kariga…sabiex tiddedika l-ħin tagħha lejn il-professjoni medika.
Madanakollu, xahrejn ilu, ir-raġuni tar-riżenja tagħha qajmet diversi dubji fost il-ħaddiema – bid-dubji issa jinbidlu f’konferma ċara u tonda.
Josianne Cutajr ma rriżenjatx biex tmur lura għall-professjoni oriġinali tagħha – imma sar magħruf li issa nħatret bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
Dan ifisser li għal darb’oħra din ma kienet xejn ħlief gimmick qawwija.
Qabel mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien ħatarha CEO ta’ San Vinċenz lura f’Ġunju tal-2013…ċioè 3 xhur wara l-Elezzjoni Ġenerali – kienet tipprattika bħala tabib tal-familja – liema impjieg kienet żammitu fejn allegatament kienet ukoll toħloq kunflitt ta’ interess.
Bosta kienu dawk li matul is-snin saħqu li Cutajar kienet qed tikser il-kodiċi tal-etika tal-Att tal-Amministrazzjoni Pubblika – fosthom Denis Tanti li sa ftit tas-snin ilu kien jagħti pariri fil-qasam tad-dixxiplina fir-Residenza San Vinċenz.
Lura fl-2020, il-Mexxej tal-Labour attwali Robert Abela kien saħaq li ma kienx se jaċċetta li xi ħadd fi tmexxija ta’ Awtorità jżomm l-impjieg personali tiegħu – iżda ironikament, il-media lokali kienet żvelat xi 9 xhur wara li Cutajar kienet għadha qed tipprattika l-professjoni privata tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista kien saħaq li Abela għal darb’oħra kien wera dgħufija tiegħu u nuqqas ta’ awtorità li għandu fit-tmexxija ta’ pajjiż.
Intant id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus insista li bit-track record li Cutajar qed iġġorr matul l-aħħar 10 snin kemm kienet ilha fit-tmexxija ta’ San Vinċenz uriet li ġġib l-interessi tal-politiku l-ewwel u qabel kollox u mhux dik taċ-ċittadin.
Għaldaqstant huwa insista li għal tali pożizzjoni tal-Kap Eżekuttiv tal-OHSA jeħtieġ persuna li għandha kredenzjali morali li ma tibżax tiħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn.