Lokali

“Kont vittma fit-toroq Maltin wara li xufier tal-Y-plate kissirni u ġabli l-karozza total loss”

Diversi għaqdiet qed jappellaw lill-Gvern biex minnufih jevalwa l-liċenzji kollha li ħarġu permezz ta’ pjaċir fid-dawl tar-racket tal-liċenzji tas-sewqan. Dan hekk kif hemm biża’ għas-saħħa ta’ persuni li jkunu fit-toroq Maltin fid-dawl ta’ għexieren ta’ persuni li ġabu l-liċenzja b’mod frawdolenti.

Numru ta’ persuni qed joħorġu jgħidu li huma kienu vittmi fit-toroq ta’ pajjiżna, b’uħud isaqsu kienux vittmi ta’ persuni li ngħataw il-liċenzja b’dan il-mod. Fost dawn hemm l-opinjonista, George Vital Zammit li qasam l-esperjenza tiegħu waqt li kien fil-programm NET Live.

“Jien sentejn ilu kont vittma, tlift il-karozza tiegħi,” qal Vital Zammit. “Ġiet total loss. Kien kissirni xufier bil-Y-plate.”

George Vital Zammit qal kif il-Gvern Laburista qed iħalli kollox għaddej qisu xejn mhux xejn, bl-istituzzjonijiet iqishom li qed jinħaddmu u mhux jaħdmu.

“Il-benefiċjarju, anke fl-iskema tal-benefiċċji soċjali, ta’ dan kollu hu l-Partit Laburista għaliex hu jissemma’ biex ngħaqqdu lil xi ħadd,” qal Vital Zammit. “Dan kien kundannabli, bil-Prim Ministru kellu jikkundanna dan, iżda m’għamilx hekk.”

Preżenti għal din id-diskussjoni kien hemm ukoll Errol Cutajar fejn qal li l-ebda Ministru jew politiku m’għandu jindaħal fit-tmexxija tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Kien fid-dawl ta’ dan kollu li Vital Zammit appella lill-Gvern biex minnufih jieħu azzjoni qabel naraw vittma oħra fit-toroq Maltin.

“Jekk inti ħadt il-liċenzja b’mod abbużiv, għandha tiġi revokata,” qal Vital Zammit.

Kemm l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina fis-Saħħa Pubblika (MAPHM), l-MEA, u anke Doctors for Road Safety, fost għaqdiet oħra, qed isejħu lill-awtoritajiet konċernati biex jevalwa l-liċenzji li ħarġu b’tixħim permezz tal-iskandlu tat-testijiet tas-sewqan sabiex tkun assigurata s-sigurtà fit-toroq Maltin.