Lokali

“Kulħadd jieħu l-biljetti b’xejn” – Ħaddiema tal-Air Malta rrabjati għad-diskors “giddieb” ta’ Clyde Caruana

Waqt seduta parlamentari li saret it-Tlieta li għadda, il-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana spiċċa jwaħħal fil-ħaddiema tal-Air Malta għat-tmiem tagħha hekk kif qal li “l-affarijiet ma mxewx kif suppost hekk kif tul is-snin il-ħaddiema ħadu biljetti b’xejn lejn liema destinazzjoni jridu”.

Clyde Caruana kompla jgħid li “din il-kumpanija ġiet użata u abbużata sakemm fl-aħħar, il-fatti huma li huma”, frażi ċara li hija indirizzata għall-ħaddiema u l-eks ħaddiema tal-Air Malta.

Dan id-diskors fil-Parlament sar wara li l-Gvern ta’ Robert Abela għal darb’oħra reġa’ falla, din id-darba bil-falliment tal-linja nazzjonali tal-ajru ta’ pajjiżna, l-Air Malta; kapitlu ieħor iswed fl-istorja tal-Labour. Għalkemm fl-2019 l-eks Ministru Konrad Mizzi kien qal li l-Air Malta kienet qed tagħmel profitt, issa  – erba’ snin wara – dan kollu sfuma fix-xejn, hekk kif din il-kumpanija spiċċat falliet.

“Kif tista’ tagħmel il-profitt kumpanija tal-ajru meta kulħadd ġej biex jieħu l-biljetti b’xejn?”

Il-Ministru Clyde Caruana

Diversi persuni li tkelmu ma’ Net News qalu kif id-diskors ta’ Clyde Caruana ġab rabja kbira fost il-ħaddiema tal-Air Malta hekk kif b’differenza għal dak li qal il-Ministru, huma qatt ma ngħataw xejn b’xejn talli kienu ħaddiema ta’ din il-kumpanija.

Persuna partikolari qalet magħna kif il-biljetti tal-ajru qatt ma tqassmu xejn.

B’differenza, din l-istess persuna stqarret li l-ħaddiema kienu jingħataw benefiċċju ta’ skont fuq il-biljetti, bl-ebda garanzija li għandhom post sigur fuq l-ajruplan. Dan hekk kif mhux l-ewwel darba li ħalsu għat-titjira lejn destinazzjoni jew oħra u spiċċaw baqgħu l-art għax l-ajruplan kien fully booked. U b’hekk, ikollhom iħalsu għal biljett tal-ajru ieħor ma’ linja tal-ajru oħra, bis-sitwazzjoni tiġihom iz-zalza għola mill-ħuta.

Dan l-iskont mgħoti huwa komuni li jingħata minn kumpaniji tal-ajru għall-ħaddiema tagħha.

Intant, il-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma qalx x’se jkun qed jiġri eżatt fuq l-Air Malta u qas x’se jkun qed jiġri mill-ħaddiema kollha tagħha.