Nhar il-Ħadd li ġej, 8 ta’ Ottubru 2023, il-pubbliku huwa mistieden iżur il-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana waqt l-attività Ġenna ta’ Ġonna. It-tema magħżula għall-open day ta’ din is-sena hi “Knisja li taqdi” fejn il-viżitaturi se jkunu jistgħu jesperjenzaw x’tagħmel il-Knisja fil-qasam tad-djakonija, jiġifieri l-ħidma tagħha mal-persuni fil-bżonn fis-soċjetà tagħna. Id-dettalji tħabbru minn Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, fil-preżenza tal-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Mons. Charles Cordina, fil-Kurja tal-Arċisqof stess.
Din is-sena se jkun hemm aktar minn 20 attività għaddejja fil-Kurja tal-Arċisqof, bil-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jifhmu aħjar kif il-parroċċi qed jgħinu lill-persuni fil-bżonn fil-komunità, japprezzaw opri tal-arti u arkitettura, jipparteċipaw f’taħdidiet informattivi u jaraw wirijiet mtellgħa mill-Arkivji Djoċesan fost l-oħrajn.
Is-Sur Michael Pace Ross spjega li hekk kif l-open day se ssir f’Ottubru, ix-xahar tal-Madonna, il-viżitaturi se jingħataw tagħrif dwar għaliex fl-1743 il-Ġiżwiti ħassu il-bżonn li jiddedikaw din il-binja lill-Madonna ta’ Manresa u kif matul is-snin din l-istess binja għenet fil-missjoni pastorali tal-Knisja. Spjega li Casa Manresa, li originarjament inbniet bħala dar tal-irtiri, serviet ukoll bħala sptar militari, seminarju, skola tas-subien u għal żmien qasir waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, anke bħala Qorti tal-Ġustizzja.
B’differenza għas-snin ta’ qabel, waqt l-open day, ir-Rifettorju tal-Kurja se jinbidel f’wirja awdjo-viżiva unika li tispjega l-episodji bibliċi mpittra mal-ħitan ta’ din is-sala fil-kuntest ta’ temi importanti għas-soċjetà tal-lum, fosthom: is-sostenibbiltà ambjentali, l-għajnuna soċjali u l-ospitalità. F’dan kollu se joħroġ l-irwoli tal-Knisja, kemm bħala istituzzjoni, imma aktar importanti bħala individwi impenjati li jagħtu il-ħin u l-enerġija tagħhom lill-ħidma pastorali tal-Knisja mal-persuni l-aktar fil-bżonn. Waqt din il-wirja
se jkunu esebiti oġġetti ta’ nies li bil-mod tagħhom, qed jagħtu kulur lill-Knisja. Dawn l-oġġetti se jkunu esebiti bħal artifatti prezzjużi f’mużew sabiex jgħinuna naħsbu u napprezzaw il-veru teżor tal-Knisja: in-nies.
Il-bitħa ċentrali tal-Kurja se tinbidel f’post ta’ laqgħa, fejn minbarra l-mużika live, kappillani u voluntiera li fil-ħin liberu tagħhom jgħinu f’waħda mis-70 parroċċa f’Malta, se jitkellmu mal-viżitaturi dwar il-ħidma tal-Knisja fil-komunitajiet tagħna. Mons. Charles Cordina qal li se jkun hemm ukoll xibka kbira tas-sajd b’ritratti ta’ persuni li jgħinu lill-Knisja tkun ta servizz fis-soċjetà. Din tirrappreżenta l-istedina li Ġesù għamel lill-appostli biex, kulħadd bit-talenti tiegħu, ikun “sajjieda tal-bnedmin” u jagħti sehmu
kif jista’ fil-Knisja.
Din is-sena, il-kurituri prinċipali tal-Kurja tal-Arċisqof se jkunu mżejna b’aktar minn 25 pittura tal-artist Francesco Zahra, meqjus bħala l-aktar artist importanti Malti ta’ nofs is-seklu tmintax u li din is-sena qed jitfakkar il-250 anniversarju mill-mewt tiegħu. Meta nbniet Casa Manresa, Francesco Zahra kien ġie kkummisjonat jagħmel sett ta’ pitturi sabiex l-arti tgħin fit-tiġdid spiritwali tan-nies li kienu jiġu jimmeditaw f’din id-dar tal-irtiri.
Il-pubbliku huwa mistieden ukoll għall-quddiesa mmexxija mill-Isqof Joseph Galea-Curmi li se ssir mill-kappella tal-Kurja ddedikata lill-Madonna ta’ Manresa. Din se tixxandar fid-9:30am fuq TVM, Knisja.mt, u Newsbook.com.mt. Fis-6pm se ssir quddiesa oħra fil-Kurja, din id-darba minn kappella oħra li ġiet riċentament irrestawrata.
Il-Kurja tal-Arċisqof se tkun miftuħa mit-8:30am sat-8pm. Il-programm tal-open day jinsab fuq Knisja.mt. Id-dħul huwa b’xejn. Donazzjonijiet b’risq The Archbishop’s Charity Fund huma apprezzati.
//= $special ?>