Lokali

Repubblika tikteb lil Angelo Gafà biex jieħu passi legali fil-konfront ta’ 7 persuni oħrajn b’rabta mal-iskandlu tal-liċenzji

“Wara li ilek bil-provi iswed fuq l-abjad f’idejk minn Ottubru 2021, u wara dak li sar magħruf pubblikament fl-aħħar jiem…għandek tressaq lil dawn il-persuni l-Qorti b’mod immedjat.”

Sostniet dan l-Għaqda Repubblika f’ittra formali mibgħuta lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà fejn il-President tal-Għaqda Robert Aquilina talbu sabiex jieħu passi fil-konfront ta’ seba’ persuni b’rabta mal-iskandlu tar-racket tal-liċenzji tas-sewqan.

Fl-ittra ffirmata mill-Avukat Jason Azzopardi ġew elenkati s-7 persuni identifikati minn Repubblika, dawn huma;

Mark Sammut – iċ-chairman eżekuttiv preżenti tal-PBS kif ukoll eks uffiċjal ta’ Transport Malta.

Pierre Montebello – uffiċjal għoli f’Transport Malta

Rachel Debono – uffiċjal pubbliku fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Robert Abela

Ray Mizzi – eks uffiċjal fil-customer care tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u issa jaħdem fil-Ministeru ta’ Michael Falzon.

Michael Buhagiar – Chief of Staff tal-Ministru Clint Camilleri.

Glorianne Micallef Portelli – uffiċjal pubbliku fis-segretarjat privat tal-Ministru Ian Borg.

Antoniella Agius Micallef – uffiċjal pubbliku fis-segretarjat privat tal-Ministru Ian Borg.

Fl-ittra indirizzata lill-Kummissarju tal-Pulizija ntqal li dawn il-persuni għadhom jittieħdu passi kontrihom skont kif tippermetti l-liġi partikolarment rigward tliet reati partikolari, ċioè; li ffurmaw parti minn organizzazzjoni kriminali, li ħadu sehem fi pjan biex iwettqu reat kriminali u li abbużaw mill-pożizzjoni pubblika tagħhom.

Repubblika spjegat li la darba Angelo Gafà jfalli milli jagħmel dan lesti jieħdu azzjoni legali fil-konfront tiegħu.