Is-seed numru tnejn Iga Swiatek għaddiet għas-semifinali tal-Open taċ-Ċina meta għelbet lil Nru 9 Caroline Garcia 6-7 (8), 7-6 (5), 6-1 f’partita mimlija tensjoni lbieraħ.
Garcia rebħet l-ewwel set iżda Swiatek wettqet rimonta, l-ewwel meta rebħet it-tieni set bit-tie break u wara ddominat it-tielet set deċiżiv u rebħet 6-1.
Is-seed numru tlieta Coco Gauff estendiet is-sensiela ta’ rebħiet tagħha għal 16-il partita, meta għelbet lin-numru 6 Maria Sakkari 6-2, 6-4 u issa tilgħab kontra Swiatek fis-semifinali.
Hija s-seba’ semifinali tas-sena għall-Amerikana ta’ 19-il sena, li ilha ma tiġi megħluba minn meta tilfet il-kwarti tal-finali kontra Jessica Pegula f’Montreal fil-bidu ta’ Awwissu.
Liudmila Samsonova kompliet bil-ġirja impressjonanti tagħha b’rebħa ta’ 6-3, 6-2 kontra Jelena Ostapenko, it-13-il seeded.
Fil-Masters ta’ Shanghai Holger Rune, it-tielet seed, ġie umiljat minn Brendon Nakashima, li jinsab fil-122 post fil-klassifika, 6-0, 6-2 fit-tieni rawnd tal-Masters ta’ Shanghai.
L-Amerikan ta’ 22 sena kkonverti ħamsa mill-14-il break point tiegħu biex jikseb rebħa mpressjonanti fuq plejer li jinsab mal-aqwa għaxra fir-rankings dinjija. Nakashima jmiss jilgħab kontra Tomas Martin Etcheverry jew il-favorit lokali Zhang Zhizhen.
Plejers oħra li kienu eliminati kienu jinkludu l-11-il seed Alex de Minaur, li tilef 6-3, 7-5 kontra Fabian Marozsan, u s-17-il seed Lorenzo Musetti, li tilef kontra l-kwalifikanti Hsu Yu Hsiou 6-3, 6-4.
In-Nru.8 Casper Ruud kien wieħed mill-ftit seeded li avvanza. Huwa għeleb lil Yoshihito Nishioka 7-5, 6-0. Issa Ruud jilgħab kontra Christopher Eubanks, is-seed numru 29, li rebaħ 4-6, 6-3, 6-2 kontra Yannick Hanfmann.
//= $special ?>