Lokali

80,000 persuna daħlu l-belt għal Notte Bianca

Kienu madwar 80,000 il-persuni li attendew għal Notte Bianca – b’kull rokna tal-Belt Valletta tiddawwal b’kuluri, mużika u diversi attrazzjonijiet.

B’kollox is-Sibt kien hemm ‘il fuq minn 60 avveniment artistiku, bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 250 artist. U Notte Bianca għal darboħra rnexxielha tolqot il-gosti ta’ kulħadd – bi proġetti mużikali, teatrali, dawk ta’ żfin, arti viżiva, u aktar.”

Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals faħħar ix-xogħol ta’ diversi ħaddiema sabiex Notte Bianca tittella’ b’suċċess; kemm f’dak li jirrigwarda loġistika,  u anke l-ipprogrammar tal-attivitajiet kollha.

Minn naħa tiegħu…id-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca, Antoine Farrugia qal li din l-edizzjoni ta’ Notte Bianca kienet waħda speċjali, mhux biss għax kien hemm numru rekord ta’ prestazzjonijiet madwar il-Belt, iżda għall-varjetà u l-kwalità għolja ta’ proġetti li ġew offruti.

Din is-sena wkoll il-Kamra tad-Deputati fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku waqt l-avveniment tan-Notte Bianca. U min żar il-bini tal-Parlament kellu l-opportunità li jara s-Sala tal-Parlament kif ukoll il-kmamar tal-kumitati, fejn kien hemm uffiċjali tal-Kamra li taw informazzjoni dwar id-diversi aspetti tal-ħidma parlamentari.

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia kien preżenti għal din l-attività li matulha huwa wkoll kellu l-opportunità li jitkellem mal-pubbliku dwar l-istorja tal-Parlament, l-irwol tal-Parlament f’sistema demokratika u l-ħidma li ssir mill-Membri Parlamentari fl-interess tal-kostitwenti tagħhom.