Nhar is-Sibt għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata b’argument fi Triq il-Ġiebja Rumana, iż-Żejtun.
Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li seħħ argument bejn ġuvni ta’ 18-il sena residenti ż-Żejtun, raġel ta’ 48 sena residenti Bormla u ieħor ta’ 54 sena residenti ż-Żejtun ma’ ġuvni u tfajla ta’ 24 sena t-tnejn residenti ż-Żejtun.
Waqt dan l-argument allegatament intuża xi ġebel kif ukoll seħħ impatt bejn Opel Astra li kienet misjuqa mir-raġel ta’ 48 sena u Mercedes Benz E250 misjuqa mir-raġel ta’ 24 sena.
Waqt li dawn il-vetturi kien qed jinstaqu r-raġel ta’ 54 sena allegatament intlaqat mill-Mercedes. Immedjatament issejjaħ tim mediku u l-persuni ttieħedu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, ir-raġel ta’ 48 sena kien iċċertifikat bi ġrieħi gravi filwaqt filwaqt li l-persuni l-oħra kienu ċċertifikati bi ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>