Lokali

F’Malta wisq politiċi involuti fil-korruzzjoni

New Cabinet’s Oath of Office ceremony

Sensiela ma taqta’ xejn ta’ korruzzjoni fuq livell nazzjonali u fuq livell li hi organizzazzata b’mod istituzzjonali u li qegħda tnawwar is-sisien ta’ pajjiżna qegħda fil-fatt tagħmel ħsara irreparabbli lil pajjiżna u lill-poplu Malti u Għawdxi.

Titkellem ma’ min titkellem, b’diqa, jgħidlek li pajjiżna spiċċa; li m’għadux li kien; li bir-raġun kollu li wliedna jridu jdabbru rashom u jagħmlu futur lil hinn minn xtutna. Kollox kbir fil-morali u fil-valuri u l-prinċipji li darba kienu għaddewlna missirijietna u ommijietna.

F’dawn l-aħħar għaxar snin ta’ Gvern Laburista, b’mod mill-aktar sistematiku, tnawru l-għeruq ta’ dan il-poplu Malti u Għawdxi u llum dan il-Gvern Laburista daħħal il-mentalità tax-xejn mhu xejn; ta’ kollox permessibbli; ta’ kollox jgħaddi; li jekk għandek il-flus allura xaħħam u ibqa’ għaddej; ta’ ħokkli dahri u nħokklok dahrek.

Dan il-Gvern Laburista llum ġab lil pajjiżna jirraġuna li tista’ ma tmurx għax-xogħol iżda ddaħħal il-paga xorta waħda; li tinħatar fuq il-bordijiet tal-Gvern anki jekk miniex kapaċi u tpattiha tajjeb; li titpoġġa fuq il-kotba taċ-Ċivil bħala person of trust anki jekk miniex kwalifikat u ma tafx akka iżda mbasta għandek dħul dieħel kull xahar; li tista’ tuża l-karozza tal-Gvern bħal qisha tiegħek għall-ġir kollu personali li jkollu… saħansitra anki lil hinn minn xtutna…

Robert Abela mexa fuq il-passi tal-predeċessur tiegħu biex irrenda lill-istituzzjonijiet fil-veru sens tal-kelma irrelevanti… Korp tal-Pulizija li ma jiffunzjonax u fejn in-nuqqas ta’ motivazzjoni hu kbir ħafna; Korp tal-Pulizija li jaġixxi biss kont min int u skont lil min għandek jaqbeż għalik; Korp tal-Pulizija li jekk persuna jisraq landa tonn taż-żejt jagħmel festa bih iżda lil min seraq il-miljuni l-kbar idawwar wiċċu lil hinn minnu.

U xi ngħidu għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali? Pastażata fil-veru sens tal-kelma fil-mod kif ixekkel il-Ġustizzja milli taħdem; flok jixpruna l-Ġustizzja fil-konfront ta’ kulħadd – irrispettivament min int u x’int – jagħżel skont l-ispaga li tinġibed minn Kastilja. Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li flimkien mal-Pulizija jippermettu żbalji banali biex terzi akkużati b’reati serji jeħilsuha lixxa.

Fejn huma l-awtoritajiet li suppost jaħdmu b’mod korrett u rett fl-interess tal-poplu Malti? Forsi l-Awtorità tal-Ippjanar li hi protagonista ta’ kif wieħed jixxaħħam u jsir sinjur kbir imbasta jinħarġu ċerti permessi għal żviluppi oxxeni? Forsi l-Awtorità tat-Trasport li quddiem ir-realtà ta’ pajjiżna mhix kapaċi twieġeb għajr li tgħidilna biex noħorġu mid-dar aktar tard mis-soltu? Forsi l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji li kienet il-protaġonista ta’ skandli oxxeni li jibqgħu mniżżlin fl-istorja finanzjarja ta’ pajjiżna? Iva m’hawn Awtorità waħda li hi sura f’dan il-pajjiż… kollha kontrollati mill-Gvern u minn ta’ Kastilja li jaġixxu biss skont il-bżonnijiet tal-Gvern Laburista.

Bir-raġun kollu li tant organizzazzjonijiet u entitajiet Ewropej u anki Mondjali jħarsu lejn pajjiżna bħala dak il-pajjiż li darba kien il-ġawhra fil-Mediterran u l-għira ta’ kulħadd li iżda f’dawn l-aħħar

għaxar snin tilef il-karatteristiċi sbieħ li tant kien magħruf għalihom u llum inbidel fi gżira mimlija bi blokki koroh tal-konkrit; fejn l-ambjent hu mħarbat u disprispettat għalkollox; fejn it-traffiku hu ġġammjat f’kull ħin tal-jum u biex tmur għax-xogħol jew biex tagħmel qadja tieħu ħinijiet twal biex tasal; fejn il-popolazzjoni żdiedet fuq li żdiedet grazzi għal mudell ekonomiku li fil-veru sens tal-kelma ma jaħdimx u ma jagħmilx sens; fejn hawn problema kbira ta’ housing u min hu tassew fil-bżonn hu mwarrab iżda dawk tal-qalba huma aġevolati; fejn is-servizzi u l-benefiċċji soċjali jeħduhom mhux dawk li tassew għandhom bżonn imma dawk li jxaħħmu u jħallsu lil xi Ministru jew lil xi runner tiegħu b’mod organizzat u strutturat…

Mhux ta’ b’xejn li żgħażagħ tagħna qegħdin ifittxu li jitilqu minn pajjiżna biex jimirħu xi mkien ieħor ferm ‘il bogħod minn hawnhekk. Għaliex li tibqa’ tgħix f’Malta f’dan l-ambjent li qegħdin nesperjenzaw bħalissa ma jagħmel sens assolutament xejn. Tniġġis tal-arja; tniġġis bil-ħsejjes; ebda rispetti; liġijiet miksura sfaċċatament u ħadd mhu f’pożizzjoni li jipproteġi liż-żgħir. Qrati fejn id-dewmien hu l-ordni tal-ġurnata u dan allura jikkawża aktar inġustizzji u tbatijiet. Servizzi tas-Saħħa li qegħdin jiddeterjoraw minn jum għal jum bil-vittmi jkunu l-pazjenti li jirrikorru fl-Isptar Mater Dei li hu ffullat b’ħafna pazjenti fil-kurriduri.

U allura organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet Ewropej u Mondjali qegħdin jitkellmu u saħansitra jikbru rapporti kif is-sitwazzjoni f’pajjiżna m’għadhiex waħda sana u sostenibbli u waħda li tagħmel sens.

Każ tipiku dwar dan kollu hu r-rapport dettaljat pubblikat mill-organizzazzjoni Global Initiative against Transnational Organized Crime fejn jintwera tħassib serju għal-livelli għolja ta’ korruzzjoni fost il-politiċi f’Malta.

L-organizzazzoni Global Initiative against Transnational Organized Crime hi network ta’ prattikanti prominenti tal-infurzar tal-Liġi, il-governanza u l-iżvilupp li huma ddedikati biex ifittxu strateġiji u risponsi ġodda u innovattivi għall-kriminalità organizzata. L-

organizzazzjoni, li hi taħdem b’termini non-profit u li hi irreġistrata bi kwartjieri ġenerali f’Ġinevra, fl-Isvizzera, hi stabbilità b’finanzjament u b’appoġġ operattiv mill-Gvern tan-Norveġja u l-Gvern tal-Isvizzera.

F’dan ir-rapport pubblikat f’dawn il-jiem, il-Global Initiative against Transnational Organized Crime tanalizza fid-dettall l-Indiċi Globali tal-Kriminalità Organizzata tul l-2023 u tanalizza wkoll ir-reżiljenza tal-Gvern Malti għall-kriminalità organizzata bbażata fuq l-operat tal-Gvern, il-Ġudikatura, l-ambjent ekonomiku u s-soċjetà.

Malta tranżitu għat-traffikar tan-nies

Dan ir-rapport jinqasam f’diversi taqsimiet b’suġġetti speċifiċi. L-ewwel taqsima tirrigwarda lin-nies u r-rapport ifisser kif Malta tibqa’ destinazzjoni u pajjiż ta’ tranżitu għat-traffikar tal-bnedmin. Ċittadini barranin jiġu ttraffikati għal raġunijiet ta’ sfruttament sesswali jew xogħol sfurzat f’industriji bħas-servizz domestiku, swali tal-massaġġi, nightclubs, kostruzzjoni, u ospitalità.

Il-biċċa l-kbira tal-vittmi tal-isfruttament sesswali huma nisa tal-Ewropa tal-Lvant, filwaqt li rġiel minn diversi reġjuni inklużi ċ-Ċina u l-Asja tax-Xlokk, fosthom dejjem aktar mill-Filippini, kienu identifikati bħala vittmi ta’ xogħol furzat. Barra minn hekk, dawk li jfittxu ażil f’Malta huma vulnerabbli għall-isfruttament fis-suq tax-xogħol informali, b’nies tal-lokal u ko-nazzjonali magħrufa li jikkollaboraw għal dan il-għan.

Ir-rapport jagħmilha ċara li għalkemm il-frekwenza tat-traffikar uman qegħda tonqos, Malta tibqa’ destinazzjoni għall-kuntrabandu tal-bnedmin, primarjament mil-Libja. Malta tinsab fil-qalba tar-rotta ċentrali tal-Mediterran, l-aktar baħar fatali li jaqsam lejn l-Ewropa.

Madankollu, minkejja li l-pajjiż jinsab f’hotspot globali għall-kuntrabandu tal-bnedmin, dan is-suq kriminali għandu footprint relattivament żgħira f’Malta u l-volum ta’ individwi mdaħħla b’kuntrabandu lejn il-kosti tiegħu varja matul is-snin. Il-maġġoranza

l-kbira tal-migranti irregolari li jaslu f’Malta huma mdaħħla b’kuntrabandu permezz ta’ operazzjonijiet ġestiti mil-Libja, u kriminali bażati f’Malta – kemm Maltin kif ukoll Libjani – huma magħrufa li jipprovdu appoġġ loġistiku lin-networks tal-kuntrabandu tal-bnedmin fil-pajjiż tal-Afrika ta’ Fuq, xi kultant bħala parti minn koinċidenza mat-traffikar tad-droga u l-kuntrabandu tal-fjuwil.

F’din il-parti r-rapport jenfasizza li ż-żieda fit-theddid u l-vjolenza pubblika f’Malta hi relatata mar-rikatt u l-estorsjoni. Għalkemm każijiet organizzati ta’ estorsjoni u racketeering tal-protezzjoni huma rrappurtati li huma limitati fil-pajjiż, dan l-aħħar il-Pulizija Taljana kixfet u kissret ċirku massiv tal-Mafja marbut mal-Ndrangheta, li kkollaborat ma’ individwi f’Malta fit-traffikar ta’ vetturi misruqa permezz ta’ estorsjoni, ħtif, tixħim u pussess ta’ armi.

Malta tranżitu għat-traffikar tal-armi

Fit-tieni parti – dedikata lill-kummerċ – ir-rapport jagħmilha ċara li għalkemm m’hemm l-ebda indikazzjoni li hemm suq mifrux fil-pajjiż, Malta hi magħrufa li hi punt ta’ transitu u destinazzjoni għall-armi illegali.

Il-kummerċ illeċitu tal-armi tan-nar hu influwenzat minn gruppi tal-Mafja Taljana li huma rrappurtati li jikkuntrabandu armi mill-Italja lejn l-Eġittu permezz ta’ Malta. It-traffikar lokali tal-armi hu prinċipalment relatat ma’ reati bħat-traffikar tad-droga u l-kuntrabandu tal-fjuwil u mhuwiex meqjus bħala attività kriminali organizzata.

Ir-rapport jissokta li diversi huma l-kuntrabandisti Maltin jew ibbażati f’Malta b’assi marittimi li huma involuti fil-kuntrabandu ta’ armi bejn il-Libja u t-Turkija, kif ukoll bejn il-Libja u l-Montenegro.

“Oġġetti foloz huma problema f’Malta, b’numru ta’ nies ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea li qegħdin jiġu mqarrqa biex jixtru prodotti foloz. Dawn l-oġġetti jistgħu jinstabu kemm online kif ukoll fil-

ħwienet u jvarjaw minn ħwejjeġ għal kożmetiċi, farmaċewtiċi, u elettronika. L-akbar qbid fuq perjodu ta’ ħames snin involviet żraben.

“Filwaqt li Malta, grazzi għall-pressjoni internazzjonali, kienet effettiva fil-ġlieda kontra l-oġġetti foloz, b’mod partikulari dawk li jiddaħħlu fil-pajjiż mill-portijiet tat-trasbord tagħha, għadha qed tissielet biex tindirizza l-bejgħ ta’ prodotti foloz fil-ġurisdizzjoni tagħha. Madankollu, il-kwistjoni rċeviet attenzjoni akbar u kellha aktar riżorsi ddedikati għaliha f’dawn l-aħħar snin.

“Il-kummerċ illeċitu tas-sigaretti hu kwistjoni oħra fil-pajjiż, bi kważi wieħed minn għaxra tal-konsum ġenerali jkunu sigaretti foloz u tal-kuntrabandu. Dan jirrappreżenta żieda fuq is-snin ta’ qabel, immexxija mill-influss ta’ prodotti illeċiti, sigaretti li huma manifatturati legalment f’pajjiż wieħed iżda mbagħad jiġu mdaħħla b’kuntrabandu bejn il-fruntieri u mqassma illegalment. Minkejja dan, is-suq Malti tas-sigaretti għadu meqjus bħala żgħir, bir-rati ta’ konsum ras għal ras naqsu matul l-aħħar tliet deċennji.”

Malta bi sfreġji ambjentali kontinwi

It-tielet parti tar-rapport hu dwar l-ambjent u jgħid li għalkemm Malta mhix meqjusa bħala ċentru ewlieni għall-kriminalità tal-flora, il-kummerċ illegali tal-fawna hu problema persistenti, speċjalment is-sajd illegali, li jinvolvi l-aktar it-tonn, u l-kummerċ tal-għasafar.

Jissokta li Malta hi pajjiż fejn tispikka wkoll il-kaċċa illegali għall-għasafar u l-insib tal-għasafar. Ċittadini Maltin jittraffikaw għasafar tal-għana minn Sqallija u n-Nofsinhar tal-Italja lejn Malta, fejn jiġu kkunsmati bħala ħelu jew użati bħala lixka.

Is-sajd illegali tat-tonn f’Malta hu rrappurtat li hu ffaċilitat minn korruzzjoni u sorveljanza fqira. Rettili ħajjin mill-Afrika huma wkoll traffikati minn Malta fis-suq Ewropew.

Malta hi wkoll destinazzjoni u pajjiż ta’ tranżitu għal riżorsi mhux rinnovabbli miksuba illegalment, speċjalment prodotti taż-żejt mil-Libja. Il-kuntrabandu jsir minn milizzji Libjani u gruppi kriminali Maltin, li jużaw kumpaniji reġistrati f’Malta biex iħarsu l-attivitajiet illegali tagħhom u jaħslu ż-żejt illegali.

Għalkemm dan il-kuntrabandu kien ristrutturat fuq skala iżgħar u mnaqqas sostanzjalment, kriminali Maltin qegħdin jibqgħu wkoll implikati f’reati tal-fjuwil internazzjonalment, inklużi attentati biex jiġu evitati sanzjonijiet u l-kuntrabandu ta’ prodotti taż-żejt Libjan fl-Ewropa.

Malta fiċ-ċentru tal-kuntrabandu tad-droga

Ir-raba’ taqsima tar-rapport tiffoka fuq id-droga u jingħad bl-aktar mod ċar li Malta tibqa’ pajjiż ta’ destinazzjoni għall-eroina, li tipikament tiġi kuntrabandu mill-Afganistan mill-Ewropa tal-Punent, it-Turkija, jew l-Afrika ta’ Fuq.

Madankollu, l-użu tal-eroina mhux mifrux u n-numru ta’ nies li jidħlu għal kura għaliha kien qed jonqos. B’kuntrast, il-kokaina saret l-aktar droga illegali prevalenti maqbuda f’Malta bil-kwantità f’dawn l-aħħar snin, bil-konsum intern jiżdied u l-prezz għal kull gramma jonqos

Malta tibqa’ pajjiż ta’ destinazzjoni u ta’ tranżitu għal din id-droga, l-aktar komunement kuntrabandu minn Spanja u mill-Amerika t’Isfel, iżda rat lilha nfisha wkoll issir punt ta’ tranżitu sinifikanti għall-kokaina li jivvjaġġa lejn l-Afrika ta’ Fuq, b’evidenza li tissuġġerixxi li l-kuntrabandisti Maltin jikkoordinaw ma’ kriminali Libjani għat-traffikar tal-kokaina lejn dak ir-reġjun.

Malta vulneabbli fejn jidħlu r-reati ċibernetiċi

Il-ħames taqsima tiffoka fuq is-Cyber Crimes u r-rapport jgħid li fil-perjodu tal-pandemija tal-COVID-19 irriżultat żieda ta’ attakki ċibernetiċi fuq infrastruttura kritika u fuq l-isptarijiet, kif ukoll fuq siti frawdolenti u f’attakki ta’ ransomware.

Reati ċibernetiċi oħra reċenti f’Malta kellhom fil-mira l-banek, is-sistema nazzjonali tat-trasport u l-partiti politiċi u rriżulta f’miljuni ta’ ewro f’telf u t-tnixxija ta’ eluf ta’ informazzjoni personali ta’ individwi.

Minkejja dawn l-inċidenti, Malta ġeneralment mhix meqjusa bħala hotspot għall-kriminalità ċiber-dipendenti, grazzi għall-industrija taċ-ċibersigurtà relattivament robusta u d-difiżi kontra ċ-ċiberkriminalità.

Malta hi kenn għall-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus

Is-sitt taqsima tar-rapport tanalizza l-qagħda fir-rigward tar-reati finanzjarji u bla tlaqliq ta’ xejn tgħid li Malta hi magħrufa bħala kenn għall-evażjoni tat-taxxa u qabel biegħet passaporti lil diversi oligarki u individwi b’saħħithom taħt l-hekk imsejjaħ ‘programm ta’ ċittadinanza b’investiment’, qabel ma waqqfet, wara l-invażjoni tal-Ukrajna, għal applikanti mir-Russja u l-Belarus.

Mill-mewt tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia, kienet esposta kaxxa ta’ pandora ta’ reati finanzjarji, minn skemi Ponzi għal scams finanzjarji onlajn, li saret fil-mira ta’ diversi reviżjonijiet negattivi minn istituzzjonijiet internazzjonali.

Fost l-aktar eżempju evidenti ta’ skema ta’ kriminalità finanzjarja fil-pajjiż hu dak tal-Pilatus Bank li issa ngħalqu, akkużat li allegatament ħasel fondi minn skemi korrotti f’isem kumpaniji u individwi offshore.

F’Malta kriminalità organizzata bis-sehem tal-Istat

Fis-seba’ taqsima, ir-rapport janalizza ċrieki tal-kriminalità u jgħid li kien hemm numru ta’ skandli ta’ korruzzjoni fis-Settur Pubbliku Malti u l-vulnerabbiltà għall-kriminalità organizzata tal-Istat, il-fergħat politiċi u eżekuttivi ta’ Malta, l-infurzar tal-Liġi, u l-Ġudikatura hi maħsuba li hija għolja.

F’dawn l-aħħar snin, każijiet ta’ qbid u infiltrazzjoni statali minn gruppi kriminali qajmu tħassib internazzjonali dwar kif l-attivitajiet tal-Pulizija ġew imfixkla minn uffiċjali ta’ livell għoli li jaħbu konnessjonijiet bejn il-Gvern u l-kriminalità organizzata.

Ċriki kriminali f’Malta huma maħsuba li jiġbdu riżorsi mill-Istat permezz tat-tixħim u l-akkwist pubbliku. Is-sistema ta’ finanzjament tal-partiti tal-pajjiż ġiet ikkritikata bil-qawwa talli ppermettiet ambitu biex il-politiċi jiġu tixħim u kkontrollati minn interessi privati, li jwassal għal influwenza kriminali fil-proċess demokratiku.

Fis-settur privat, il-qasam bl-aktar evidenza ta’ infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata hi l-industrija tal-logħob tal-azzard f’Malta, inklużi websajts tal-logħob online.

F’dawn l-aħħar snin, Malta attirat bosta kumpaniji tal-logħob minn madwar id-dinja. Bħala riżultat, l-industrija issa hi waħda mis-setturi ewlenin fil-gżira. Il-kumplessità ta’ skemi u ditti transkonfinali f’Malta tagħmilha diffiċli biex jiġu identifikati s-sidien benefiċjarji attwali ta’ entitajiet legali, u n-negozji fil-pajjiż huma rrappurtati li għandhom, bħala medja, l-ogħla kumplessità ta’ sjieda fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rilokazzjoni (jew l-inkorporazzjoni) f’Malta ta’ kumpaniji tal-logħob ta’ proprjetà barranija setgħet iffaċilitat ukoll l-infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata, speċjalment relatata ma’ gruppi tal-mafja Taljana.

F’Malta livelli għolja ta’ korruzzjoni fost il-politiċi

Fit-tmien taqsima, ir-rapport jitkellem dwar tmexxija u governanza u jfisser kif Malta hi ġeneralment meqjusa bħala pajjiż stabbli fir-rigward tad-drittijiet politiċi u l-libertajiet ċivili. Filwaqt li l-Gvern Laburista attwali ħa passi biex jirrestawra r-reputazzjoni tal-pajjiż għall-istat tad-dritt, l-investigazzjonijiet dwar l-involviment fil-livell politiku fil-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni tilfu l-momentum.

Il-korruzzjoni għadha ta’ tħassib f’Malta, partikolarment fost il-politiċi ta’ livell għoli. Il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni hi meqjusa bħala nieqsa mill-indipendenza u persunal adegwat, b’allegazzjonijiet ta’ nepotiżmu u kunflitti ta’ interess fir-rigward ta’ diversi attivitajiet tal-Gvern. Il-qafas legali għall-aċċess għall-informazzjoni huwa limitat, u l-isforzi kontra l-korruzzjoni huma kkunsidrati dgħajfa.

F’Malta fejn il-Ġustizzja tieħu fit-tul wisq

Fid-disa’ taqsima r-rapport jiffoka fuq fuq il-ġustizzja, il-kriminalità u s-sigurtà u jgħid li l-ħatra ta’ mħallfin u maġistrati f’Malta ġiet taħt skrutinju minħabba li akkużati ta’ rabtiet politiċi. Barra minn hekk, il-kawżi fil-Qorti fil-pajjiż jieħdu ħafna aktar żmien biex jiġu solvuti meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni Ewropea.

Minbarra l-korruzzjoni, m’hemm l-ebda unitajiet iffukati speċifikament fuq il-kriminalità organizzata. Filwaqt li s-sistema tal-ġustizzja kriminali ġiet ikkritikata talli tiddependi fuq il-Pulizija biex tibda proċeduri kriminali kontra akkużati ta’ korruzzjoni, il-ħolqien reċenti ta’ uffiċċju ġdid ta’ Prosekuzzjonijiet jista’ jippreżenta opportunità għal titjib. Madankollu, minkejja xi passi pożittivi li għamel il-Gvern b’reazzjoni għall-pressjoni internazzjonali, jeħtieġ li jsir aktar xogħol.

F’Malta fejn ir-reati finanzjarji hu

Fl-għaxar taqsima r-rapport jitkellem dwar l-ambjent ekonomiku u finanzjarju u jgħid li Malta hi ċentru finanzjarju internazzjonali, b’fokus fuq bankarji korporattivi u tranżazzjonijiet u ġestjoni ta’ fondi, li jagħmilha partikolarment suxxettibbli għall-ħasil tal-flus, partikolarment f’oqsma bħal depożiti mhux bl-imnut, kontijiet korrispondenti, trasferimenti bil-wajer, ġestjoni tal-ġid, e-gaming, u klijenti barranin.

Il-pajjiż esperjenza għadd ta’ skandli ta’ kriminalità finanzjarja, li wasslu biex ikun fil-lista l-griża għall-ħasil tal-flus, b’implikazzjonijiet sinifikanti għas-settur tas-servizzi finanzjarji.

Għalkemm Malta tneħħiet mil-lista fl-2022, illum hemm tħassib dwar is-saħħa tal-infurzar tal-Liġi u l-prosekuzzjoni f’dan il-qasam, u jekk il-livell attwali ta’ diliġenza dovuta hux se jkun sostnut.

L-infrastruttura tal-infurzar tal-Liġi ta’ Malta, partikolarment il-forza tal-Pulizija tagħha, hi mdgħajfa ħafna minn nuqqas ta’ riżorsi, inklużi kapaċitajiet investigattivi esperti u ddedikati. Għal din ir-raġuni, pereżempju, hemm diversi każijiet relatati mal-qtil li għad iridu jitressqu l-Qorti. Il-Pulizija huma akkużati wkoll li potenzjalment ixekklu l-Ġustizzja billi tingħata informazzjoni lil suspettati.

F’Malta fejn il-ġlieda lill-kriminalità organizzata hi dgħajfa

Fil-ħdax-il taqsima r-rapport jitratta s-soċjetà ċivili u l-protezzjoni soċjali u, fost l-oħrajn, jgħid li n-nuqqas ta’ strateġiji nazzjonali ta’ prevenzjoni biex titrażżan il-kriminalità organizzata f’Malta hi defiċjenza sinifikanti, partikolarment fl-infurzar tal-Liġi u fl-investigazzjoni preventiva. responsabbli tal-internet, u l-membri tagħha jirċievu taħriġ speċjalizzat.