Futbol Sport

Futbol Ingliż: Tottenham jirbħu b’għaxar plejers

(Ritratt: EPA)

Tottenham Hotspur kisbu rebħa minima barra minn darhom kontra Luton Town biex telgħu momentarjament fl-ewwel post tal-Premiership.

Tottenham lagħbu għal taqsima sħiħa bi plejer inqas u b’hekk ir-rebħa tagħhom tikber fl-importanza tagħha.

Fil-logħbiet l-oħra rebħa drammatika għal Manchester United li skorjaw darbtejn fil-ħin miżjud biex kisbu rebħa mportanti li tneħħi xi ftit il-pressjoni minn fuq il-manager Ten Hag.

Chelsea kisbu rebħa konvinċenti kontra Burnley filwaqt li fin-naħa t’isfel tal-klassifika Everton u Fulham kisbu punti prezzjużi kontra Bournemouth u Sheffield United rispettivament.

Tottenham kellhom bidu ferm promettenti kontra Luton fejn fallew diversi ċansijiet ta’ skor bil-goalkeeper ta’ Luton Kaminski jwettaq żewġ saves kbar fuq xuttijiet ta’ Richarlison u Kulusevski.

Iktar ma’ beda għaddej il-ħin il-logħba bdiet issir iktar bilanċjata u fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima kien hemm żvolta meta Bissouma dabbar it-tieni karta għal simulazzjoni u b’hekk Spurs kellhom jilagħbu t-tieni taqsima kollha bi plejer inqas.

Iżda seba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Tottenham skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa meta minn korner mogħti qasir minn Kulusevski lejn Maddison li daħal tajjeb fil-kaxxa u qassam lejn id-difensur Olandiż Micky van de Ven li mill-viċin dawwar il-ballun għal ġewwa.

Luton wettqu reazzjoni biex jippruvaw isalvaw ir-riżultat iżda Spurs iddefendew tajjeb b’Romero jispikka fid-difiża biex kisbu tliet punti prezzjużi li poġġewhom fl-ewwel post.

Manchester United neħħew xi ftit tal-pressjoni minn fuqhom grazzi għal rebħa drammatika fuq Brentford, rebħa miksub b’żewġ goals fil-ħin miżjud.

Jensen ta vantaġġ lil Brentford fis-26 minuta u dawn żammew il-vantaġġ sat-93 minuta.

Meta kollox deher li ġejja disfatta oħra għar-Red Devils waslet id-doppjetta ta’ McTominay li kiseb id-draw fit-93 minuta u skorja l-goal tar-rebħa fis-97 minuta, rebħa li fid-drammatiċita’ tagħha tfakkar lill-partitarji ta’ Manchester United fit-trijonf miksub b’mod simili fil-final tal-UEFA Champions League 1999 kontra Bayern Munich.

Ta’ min jgħid li McTominay kien daħal biss bħala sostitut fis-87 minuta minflok Amrabat.

Chelsea kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta dawwru r-riżultat kontra Burnley.

Burnley li kisbu l-ewwel rebħa fost il-ġimgħa kontra Luton, marru fil-vantaġġ wara kwarta b’azzjoni veloċi ta’ kontrattakk li kienet mitmuma bi preċiżjoni minn Odobert.

Dan il-goal ħawwad mhux ftit lil Chelsea li sa dak il-ħin kienu qed juru l-aħjar ideat. Iżda wara l-goal Chelsea dehru mifxula u konfużi fl-ideat.

Kien Sterling l-iktar perikoluż u kien hu li kellu sehem fil-goal tad-draw fit-42 minuta meta x-xutt tiegħu kien imxellef għal ġewwa minn Al Dakhil.

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Sterling rebaħ penalty wara foul ta’ Vitinho u mill-ħdax-il metru kien Palmer li xeħet fix-xibka.

Fil-65 minuta Raheem Sterling meritatament niżżel ismu mal-iskorers wara azzjoni ta’ kontrattakk tal-Blues u s-sostitut Jackson għalaq definitivament il-logħba bir-raba’ goal ta’ Chelsea.

Rebħa importanti għal Everton f’Goodison Park li għelbu lil Bournemouth 3-0.

Garner u Harrison taw vantaġġ doppju lil Everton sal-intervall u mas-siegħa logħob Doucoure skorja t-tielet goal tat-Toffees.

Fulham ukoll kisbu tliet punti kontra t-tim tal-qiegħ Sheffield United.

Kollox seħħ fit-tieni taqsima fejn Fulham fetħu l-iskor permezz ta’ De Corodov-Reid iżda fit-68 minuta Robinson ikkommetta autogoal biex ta d-draw lil Sheffield.

Iżda autogoal ieħor ta’ Foderingham reġa’ poġġa lil Fulham fil-vantaġġ u fil-ħin miżjud kien Willian li għalaq il-logħba bit-tielet goal għal Fulham.

Riżultati

Luton 0-1 Tottenham    

Burnley 1-4 Chelsea    

Everton 3-0 Bournemouth  

Fulham3-1 Sheffield U    

Man Utd 2-1 Brentford  

Palace 0-0 Nottingham    

Illum

15:00 Brighton v Liverpool

15:00 West Ham v Newcastle

15:00 Wolves v Aston Villa

17:30 Arsenal v Man City