Lokali Qorti

Ikkonfermati 18il-sena ħabs fuq pussess aggravat ta’ droga

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ 18-il sena ħabs u multa ta’ 38,000 ewro għal raġel li nstab ħati ta’ pussess aggravat ta’ droga u assoċjazzjoni ma’ terzi.

Ipperseduta minn tliet imħallfin, il-Qorti kkonfermat sentenza ta’ Davide Bonanno, li f’April li għadda instab ħati għal dawn l-akkużi mill-ġurati b’sitt voti favur u tlieta kontra.

Wara dan l-verdett, l-Avukat Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien qal li s-sentenza għandha tkun minn 20 sena ‘il fuq. Filwaqt li l-avukat difensur Simon Micallef Stafrace kien ġibed l-attenzjoni li l-Isqalli ma nstabx ħati għall-akkuża ta’ importazzjoni u appella għall-anqas sentenza possibbli anke għaliex il-verdett tal-ġurati kien ‘il bogħod minn wieħed unanimu.

Fl-appell, Bonanno talab lill-Qorti tbiddel u tħassar is-sentenza hekk kif qal li ma kienx hemm prova li jifforma parti minn xi assoċjazzjoni kriminali mwaqqfa biex iġġib id-droga f’Malta filwaqt li qal li ma kien hemm ebda prova li l-ordni saret minnu.

Hu qal ukoll li meta waslet il-merkanzija rrifjuta li jħallas għaliha għax ma kintix tappartjeni għalih minkejja li ffirma għall-konsenja. Bonanno stqarr li l-konsenja tad-droga weħidha ma tistax isibu ħati għall-assoċjazzjoni u li l-ġurati waslu għal verdett tagħhom fuq assunzjonjiet u mhux fatti provati. Hu insista li rċieva l-konsenja tal-merkanzija innoċentament.

Min-naħa tiegħu, l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali innota li Davide ma kkontestax il-fatt li rċieva, ħatt u daħħal fil-garaxx il-merkanzija.

Fil-Qorti nstema’ ukoll kif il-Pulizija waslitilha informazzzjoni li fi trailer ġej minn Sqallija kien hemm 25 kg kannabis moħbija taħt xi karti ta’ tissues. Il-Pulizija ġabet permess tal-Maġistrat inkwirenti sabiex issir il-konsenja f’Tas-Sliema fejn kien hemm l-appellant li indika li trid tiddaħħal f’garaxx. Jgħinuh kien hemm żewġ Taljani li kienu qed jaħdmu fuq is-sit.

Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Appell, qalet li kien hemm biżżejjed provi sabiex il-ġurati jikkonkludu li kien hemm ftehim minn qabel bejnu u oħrajn biex din id-droga tasal fid-destinazzjoni finali. Qalet ukoll li x-xhieda tal-appellant hija inkosistenti.

Għalaqstant hija ċaħdet it-talba tiegħu u kkonfermat l-ewwel sentenza.