Internazzjonali

Il-Gwerra bejn Iżrael u l-Hamas: Investigati rapporti dwar il-qtil u ħtif ta’ ċittadini mill-Punent

L-Istati Uniti u numru ta’ pajjiżi Ewropej qed jinvestigaw rapporti li ċ-ċittadini tagħhom spiċċaw maqtula inkella miżuma ostaġġi waqt l-aħħar attakki ‘storiċi’ tal-militanti tal-grupp Hamas fl-artijiet ta’ Iżrael.

Dan fost konferma li l-ammont ta’ Iżraeljani – ċivili u suldati – maqtula fl-azzjonijiet tal-militati issa qabeż is-600; bil-midruba qed jingħaddu bil-mijiet.

Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan fil-preżent qed jirċievi informazzjoni li kapaċi titfa’ dawl fuq l-aħħar movimenti taċ-ċittadini rappurtati nieqsa fil-Lvant Nofsani u li setgħu sfaw vittmi tal-Hamas.

Qed jagħmlu l-investigazzjonjiet simili pajjiżi bħal Franza, il-Ġermanja u l-Ukrajna li wkoll għandhom iċ-ċittadini tagħhom f’Iżrael, bl-Ambaxxata Amerikana fil-Kajr twissi lill-Amerikani biex jieħdu kull prekawzjoni għas-sigurtà tagħhom.

Dan wara l-qtil – fi sparatura – ta’ żewġ ċittadini Iżraeljani fil-belt ta’ Lixandra, bl-attakk qattiel qed jidher li twettaq minn uffiċjal tal-pulizija.

Rapporti oħra referew anki għall-għajbien ta’ xi Britanniċi li kienu fl-artijiet Iżraeljani viċin ta’ Gaza meta żbruffat il-vjolenza.