Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli bil-ħidma sabiex il-poplu jkollu ħajja aħjar f’pajjiżna” – Bernard Grech

“Il-Partit Nazzjonalista jinsab determinat li joffri ħajja aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi fejn wieħed jista’ jlaħħaq mal-ħajja, jikri jew jixtri l-propjetà b’mod komdu, fejn tkun tista’ tgawdi lil għeżież tiegħek. Dawn huma l-valuri li jħaddan il-Partit Nazzjonalista; valuri li jġibu magħhom kwalità ta’ ħajja aħjar f’pajjiżna.”

Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista fuq il-programm Analiżi fuq Net Television. Waqt din l-intervista Bernard Grech tkellem dwar diversi temi fosthom il-pjaga tal-għoli tal-ħajja, il-falliment tal-Air Malta kif koll l-iskandli li ħarġu fil-beraħ matul din il-ġimgħa.

Bernard Grech qal li n-negozjanti rridu ngħinuhom biex ikomplu jagħmlu l-ġid f’pajjiżna u mhux nattakkawhom bħalma għamel il-Partit Laburista fl-aħħar jiem. Apparti minn hekk, huwa saħaq fuq l-importanza li jingħata appoġġ lil min jimporta kif ukoll dawk li jesportaw.

Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fil-proposti li kien għamel il-Partit Nazzjonalista sabiex pajjiżna jkun jista’ jiġġieled il-pjaga tal-għoli tal-ħajja. Huwa fakkar fil-proposta li jinħoloq Fond Nazzjonali sabiex tingħata għajnuna lin-negozjanti kif ukoll li l-COLA m’għandhiex tkun intaxxata.

Meta mistoqsi fuq l-Air Malta, Bernard Grech qal li Gvern Nazzjonalista kien ħa d-deċiżjonijiet neċessarji sabiex il-linja nazzjonali tal-ajru tibqa’ topera. Madankollu matul l-aħħar snin diversi Ministri tal-Labour ħadu deċiżjonijiet li sarrfu għal daqqa wara l-oħra fuq l-Air Malta. Hawnhekk, Bernard Grech qal li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jistax jaħrab mill-fatt li fallew l-Air Malta u sussegwentament fallew lill-poplu Malti u Għawdxi u lis-settur tat-turiżmu.

Apparti minn hekk, Bernard Grech saħaq fuq l-importanza li jinbidel il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna; mudell li preżentament huwa ffukat fuq il-kwantità u mhux il-kwalità.

Bernard Grech aċċenna li b’dawn il-bidliet u bid-determinazzjoni li qed juri l-Partit Nazzjonalista l-poplu jista’ jkollu ħajja aħjar f’pajjiżna.