Il-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani qed jagħmlu li jistgħu biex isalvaw l-għexieren tal-ostaġġi li spiċċaw f’idejn il-militanti Palestinjani tal-Hamas li qasmu mill-Medda ta’ Gaza biex iwettqu kampanja ta’ terrur assolut kontra l-poplu Iżraeljan.
Talanqas 500 Iżraeljan – fil-parti kbira ċivili – tilfu ħajjithom f’din it-tmiem il-ġimgħa terribbli u wara li l-Hamas infiltraw numru kbir ta’ zoni fejn il-familji, sa dak il-ħin, kienu qed igawdu tmiem il-ġimgħa trankwilla.
Il-bidu tal-offensiva, fil-fatt, kienet l-isparatura intensiva tal-missili minn Gaza lejn Iżrael u fl-aħħar sigħat kienu qed ikomplu l-battalji bejn it-truppi Iżraeljani u l-militanti f’numru ta’ lokalijiet lejn in-nofsinar ta’ Iżrael li baqgħu ‘ikkontrollati’ mill-Hamas.
Sadanittant, mifhum li nqatlu talanqas 400 Palestinjan waqt l-attakki mill-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael fuq Gaza – bir-rapporti jikkonfermaw l-eluf tal-midruba ‘fuq kull naħa’, b’uħud minnhom jinsabu f’kundizzjoni kritika.
L-istess rapporti qalu li l-militanti qed iżommu ostaġġ lill-għexieren tal-militanti li spiċċaw ‘imkaxkrin lejn Gaza’ .
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, informa lill-poplu ta’ Iżrael li jrid jipprepara għal gwerra twila u diffiċli mal-militanti Palestinjani. Fl-istess ħin, Netanyahu qal li l-Hamas ‘ma għandu jiddubita qatt mill-iskala ta’ ritaljazzjoni’ u meta l-qawwiet ta’ Iżrael huma determinati li ma jħallux ġebla wieqfa fuq l-oħra f’Gaza.
Madankollu, il-Kap tal-Hamas Ismail Haniyeh insista li l-ġellieda tal-grupp tiegħu kienu f’xifer ta’ ‘vittorja kbira’ waqt li sostna li l-impatt ta’ dan ir-rejd għandu jinħass għal snin f’Iżrael.
Il-militanti li, nhar is-Sibt, qasmu lejn Iżrael kienu kalkulati ‘bil-mijiet’ u dawn mal-ewwel attakkaw lill-għexieren tal-komunitajiet Iżraeljani flimkien mal-bażijiet tal-qawwiet tad-difiża f’dan il-pajjiż. Il-militanti anki bdew iduru minn dar għal dar biex jaħtfu lill-ostaġġi fost il-massakri ta’ ċivili li pruvaw jagħmlu r-reżistenza.
L-istess militanti wrew brutalità kbira mal-ostaġġi – fosthom nisa, tfal, anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali – iżda fl-aħħar sigħat, is-suldati Iżraeljani rnexxielhom jeħilsu numru mhux ħażin ta’ Iżraeljani li kienu spiċċaw f’ħalq il-mewt qalb il-komunitajiet tagħhom mibdula f’artijiet ta’ battalja.
Kelliema għall-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani qalu li mis-Sibt ‘il hawn inqatlu ‘il fuq minn 400 fost il-ġellieda tal-Hamas li infiltraw Iżrael għal skop terroristikiu u b’għexieren oħra jispiċċaw arrestati.
Dan waqt li spiċċaw evakwati r-residenti kollha li kienu qed jgħixu qalb il-komunitajiet qrib il-fruntiera ta’ Iżrael ma’ Gaza.
Fl-istess ħin, qed jiżdied it-tħassib dwar in-numri taċ-ċivili u suldati Iżraeljani li spiċċaw jgħixu bħala ostaġġi f’Gaza — bil-Prim Ministru Netanyhu u l-Gvern Iżraeljan qed iżommu lill-Hamas ‘responabbli’ għal dak kollu li jista’ jiġri lil dawn in-nies.
//= $special ?>